Futbol Sport

Serie A: Rebħa għal Napoli fuq Inter b’għaxar plejers

Iċ-champions il-ġodda Napoli kisbu rebħa ta’ 3-1 fuq Inter bil-gowls kollha jaslu fit-tieni taqsima, li fiha Inter lagħbu bi plejer inqas wara t-tkeċċija ta’ Gagliardini għal ammonizzjoni doppja fil-41 minuta.

Fis-67 minuta Anguissa fetaħ l-iskor b’xutt fil-baxx, iżda minkejja l-inferjorita’ numerika Inter kisbu d-draw permezz ta’ Lukaku fit-82 minuta. Tliet minuti wara Napoli mill-ġdid fil-vantaġġ b’xutt stupend ta’ Di Lorenzo li ħalla lil Onana jħares lejn il-ballun jispiċċa fir-rokna ta’ fuq tax-xibka.

Fl-94 minuta bit-tim ta’ Inzaghi żbilanċjat fl-attakk kien Gaetano li għalaq il-logħba bit-tielet gowl b’azzjoni ta’ kontrattakk.

Fin-naħa t’isfel tal-klassifika draw ta’ mingħajr gowls bejn Lecce u Spezia, filwaqt li Torino u Fiorentina temmew fi draw ta’ 1-1.

B’penalty ta’ Immobile wara siegħa logħob Lazio għelbu lil Udinese 1-0 biex telgħu fit-tielet post tal-klassifika.

Riżultati:

Lecce v Spezia 0-0

Torino v Fiorentina 1-1

Napoli v Inter 3-1

Udinese v Lazio 0-1

It-Tnejn:

18:30 Roma v Salernitana

20:45 Empoli v Juventus