Internazzjonali

Sqallija: Maltin maqbudin fl-ajruport ta’ Katanja wara żbroff ieħor tal-Etna

Ritratt: Ansa

Numru ta’ Maltin huma fost il-passiġġieri li spiċċaw maqbudin fl-ajruport ta’ Fontanarossa, f’Katanja, li ftit tal-ħin ilu waqqaf is-servizzi tas-soltu minħabba livell ogħla ta’ attività vulkanika mill-Muntanja Etna, fi Sqallija.

Uffiċjali mal-Istitut Taljan għal-Ġeoxjenzi u l-Vulkanoloġija qed isegwu b’attenzjoni din is-sitwazzjoni wara li nnutaw sitwazzjoni pjuttost inkwetanti relatata mal-Etna. Dan meta anki mistennija l-problemi għat-trasport tal-art fil-madwar tal-Etna fil-każ ta’ żbroffi ‘ġodda u sinifikattivi’ mill-vulkan.

L-osservaturi innutaw attività vulkanika splussiva madwar il-bokka tal-vulkan minfejn telgħin xi  dħaħen tal-ġmied – għalkemm ma ħarġux twissijiet ta’ allert urġenti għar-residenti taz-zona. Madankollu ma jistgħux jitilgħu jew jinżlu t-titjiriet fl-ajurport ta’ Fontanarossa, bl-awtoritajiet qed jistennew biex is-sitwazzjoni tirritorna għan-normal.

Minkejja ż-żieda fl-attività vulkanika tal-Etna, l-awtoritajiet fi Sqallija lanqas ma ħarġu direttivi għal xi evakwazzjonijiet ‘immedjati’ miz-zona partikulari. Dan fost stennija li l-emissjonijiet tal-Etna ‘fuq livell baxx’ se joħolqu aktar sħab tal-ġmied – waqt li mhix eskluża l-possibbiltà ta’ xi valangi.