Lokali

“Tal-mistħija… għadha ma ttieħdet ebda azzjoni u sadattant qed ikomplu jmutu iktar persuni”

“Tal-Mistħija… ilna żmien twil niġru wara Transport Malta biex tittieħed azzjoni u għadu ma sar xejn.”

Dawn kienu l-ewwel kummenti imqanqla mill-Kunsillier Laburista ta’ Ħ’Attard Victor Galea wara l-inċident li seħħ fis-Central Link… Liema inċident sewa l-ħajja taż-żagħżugħa Kacey Sciberras u ħalla żewġ żgħazagħ oħra rikoverati l-Isptar Mater Dei.

F’kummenti esklussivi ma’ Net News propju ftit sigħat biss wara li seħħ dan l-inċident, Victor Galea stqarr li bħala Kunsill ilhom ħafna jappellaw sabiex isiru speed cameras f’din iz-zona li fiha ta’ sikwiet iseħħu inċident serji… tant li hija magħrufa bħala ‘black spot’.

Huwa qal li din is-sitwazzjoni kienet diskussa kemm-il darba fil-laqgħat tal-Kunsilli Lokali, iżda kemm min-naħa tal-Ministeru responsabbli kif ukoll minn Transport Malta ngħataw biss ir-risposta li għadhom qed isiru l-istudji sabiex ikun determinat jekk f’din it-triq hemmx bżonn li jsiru speed cameras jew le. Iżda, fi kliem Victor Galea… ir-risposta ngħatat dal-lejl. 

Bil-pressjoni tkompli tikber, anke mill-Partit Nazzjonalista li ilu żmien twil jagħmel pressjoni anke permezz ta’ Mistoqsijiet Parlamentari sabiex proprju f’din it-triq tittieħed azzjoni fir-rigward tal-over speeding.

U r-rabja fost il-poplu Malti qed tkompli tiżdied hekk  kif issa saret prassi li kważi ta’ kuljum nisimgħu b’inċidenti tat-traffiku li anke jkunu fatali. Bil-pressjoni kemm fuq il-Ministru tat-toroq kif ukoll fuq Transport Malta qed tkompli tiżdied biex tittieħed azzjoni minnufuh sabiex ma jkunx hemm iktar telf tal-ħajjiet fit-toroq ta’ pajjiżna.

Segwi l-kummenti tal-Kunsillier Victor Galea billi tgħafas hawn:

https://www.facebook.com/NetNewsMalta/videos/944510886748359