Il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, wasslet messaġġ ta’ appoġġ u solidarjetà lill-poplu tal-Moldova fejn qalet li l-Unjoni Ewropea tinsab konxja mis-sitwazzjoni ta’ dan il-pajjiż u li ‘se tkun warajhom’ aktar ma dan il-pajjiż eks-komunista jiffaċċja l-isfidi taż-żmenijiet li qed jinbidlu.
Meta indirizzat folla ta’ madwar 70,000 fil-kapitali Chisinau, Metsola irringrazzjat lill-poplu tal-Moldova talli baqa’ jemmen fil-valuri tal-Ewropa.
Dan il-poplu qed jittamaw li pajjiżu, xi darba, jifforma parti mill-Unjoni Ewropea – l-istess bħal eks-satelliti komunisti oħra fosthom il-Polonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja u l-Estonja li lkoll, darba, kienu jiffurmaw parti mill-Unjoni Sovjetika l-antika.
Fl-aħħar xhur kien hemm anki indikazzjonijiet li r-Russja kapaċi testendi l-politika ta’ aggressjoni i fid-direzzjoni tal-Moldova u meta l-qawwiet tal-Kremlin, bħalissa, qed jiffaċċjaw fażi ġdida tal-gwerra li ilha għaddejja fl-Ukrajna minn Frar tal-2022.
Għaldaqstant, il-Moldova qed tfittex il-garanziji tas-sigurtà f’dawn iċ-ċirkustanzi diffiċli u bħala ‘parti mill-Ewropa’ – b’Roberta Metsola, waqt id-diskors f’Chisinau, tħeġġeġ biex dan il-poplu ‘jibda’ sod u jkompli jemmen fil-futur tiegħu u ta’ pajjiżu.’
Hi enfasizzat ukoll li l-UE mhix se tiddiżappunta l-aspettativi tal-Moldova anki waqt li l-għexieren tal-eluf f’Chisinau ingħaqdu f’turija ta’solidarjetà mal-proġett ‘Ewropa’. Dan ukoll waqt li l-folol f’din il-belt kapitali esprimew ruħhom bħala sostenituri ta’ ‘futur ġdid bħala residenti ta’ Stat Ewropew’.
//= $special ?>