Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, insista li r-Russja ma kisbitx rebħa finali f’Bakhmut — fejn it-truppi tagħha ilhom ix-xhur jikkumbattu lill-militar tal-Ukrajna fid-distretti u ċ-ċentru ta’ din il-belt Ukrena tal-lvant.
Madankollu Zelensky ammetta li din il-belt, issa, inqerdet għal kollox, bir-Russja qed tagħmel minn kollox biex tippromwovi rebħa militari rari f’din il-gwerra…Dan minkejja li r-Russi tilfu l-eluf tas-suldati fil-kumbattimenti għal Bakhmut li ilhom għaddejjin minn Awwissu u meta l-belt inkwistjoni ftit li xejn għandha importanza strateġika.
Meta tkellem dwar ‘iżviluppi traġiċi f’Bakhmut’ Zelensky qal li din il-belt ‘se tibqa’ dejjem fil-qalb tal-Ukreni’. Dan waqt li hu, wara, ħareġ stqarrija biex jiċċara li ‘Bakhmut kienet għadha qed tirreżisti lill-għadu.’ Zelensky ikkummenta b’dan il-mod biex iwieġeb għal mistoqsijiet speċifiċi matul is-summit tal-G7 li kkonkluda lbieraħ, f’Hiroshima ( fil-Ġappun) wara tlett ijiem.
Aktar qabel, il-grupp Wagner tal-paramilitari merċenarji li qed jappoġġja lill-Armata Russa fl-Ukrajna, qal li l-ġellieda tiegħu kienu ħatfu l-kontroll ‘fil-belt sħiħa ta’ Bakhmut’. Sadanittant, il-President Russu Vladimir Putin qal li r-Russja rebħet il-battalja għal Bakhmut u li t-truppi Russi kollha li taw sehem ‘fir-rebħa’ għandhom ikunu onorati mill-Istat.
Iżda kelliema għall-qawwiet Ukreni insistew li huma xorta kienu qed jikkontrollaw xi zoni lejn ix-xlokk ta’ Bakhmut u li t-truppi tagħhom kienu anki qed iħejju għal kontra-attakk fuq xi distretti tal-belt.
Madankollu, l-Ukreni ammettew ukoll li kienu qed jiffaċċjaw sitwazzjoni diffiċli ħafna fiċ-ċirkustanzi. Dan għaliex ir-Russi rnexxielhom jeqirdu l-infrastruttura kollha f’Bakhmut biex jillimitaw il-pożizzjonijiet minfejn l-Ukreni jistgħu jirreżistu lit-truppi tal-Kremlin.
L-analisti qed jaqblu li Bakhmut ftit għandha importanza għar-Russja minn aspett strateġiku u lat ta’ loġistika. Iżda jekk din il-belt tassew taqa’ lill-militar ta’ Putin, il-Kremlin ikun jista’ jiddikjara rebħa simbolika wara l-itwal battalja fil-gwerra tal-Ukrajna li ilha minn Frar tas-sena l-oħra.
//= $special ?>