Lokali

35 fatalità fl-aħħar 17-il xahar fit-toroq Maltin u Għawdxin

It-toroq ta’ pajjiżna sirt tibża’ ssuq fihom. Dan huwa s-sentiment ġenerali tal-poplu Malti u Għawdxi  fejn skont ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, fl-ewwel kwart ta’ din is-sena f’Malta l-inċidenti ta’ traffiku żdiedu f’kull reġjun – bl-ogħla żieda tkun fit-tramuntana ta’ Malta, b’żieda ta’ 12%.

Mill-bidu tas-sena t-toroq Maltin rreġistraw  7 fatalitajiet bi 3 persuni li tilfu ħajjithom wara li intlaqtu, żewġ sewwieqa tal-mutur u żewġ passiġġieri. 7 ħajjiet li nħatfu bħal sajjetta fil-bnazzi mill-familji tagħhom, wara li ħarġu minn darhom u ma reġgħux daħlu lura.

Matul l-2022, it-toroq Maltin irreġistraw 28 fatalità, rekord nazzjonali assolut f’dak li għandu x’jaqsam imwiet ikkawżati minn inċidenti tat-traffiku.

Fl-aħħar xhur saru diversi appelli lill-Gvern ta’ Robert Abela u lill-Ministru responsabbli mit-trasport u t-traffiku Aaron Farrugia sabiex bil-fatti u mhux bil-paroli biss jissalvagwardjaw il-ħajja tagħna, ta’ qrabatna, ta’ uliedna.

Bil-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Ivan Falzon, jgħidilna li huma qed jibnu “toroq li jaħfru”.

Ma’ Net News, Falzon insista li mhux talli qed jissalvagwardjaw saħħet iċ-ċittadin, imma li t-toroq qed jinbnew fuq standards internazzjonali.

Ironikament il-Ministru responsabbli mit-trasport, essenzjalment minn ħajjet iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin fit-toroq ta’ pajjiżna….ftit tax-xhur ilu kien qalilna li lanqas huwa stess ma jafda lil uliedu bir-rota barra bit-triq.

Toroq siguri u li jaħfru; toroq però li l-Ministru nnifsu ma jafdax lil uliedu fihom.

U wara l’incident ta’ tmiem il-ġimgħa, il-Kunsillier Laburista Victor Galea insista li huwa tal-mistħija kif ilhom żmien twil jiġru wara Transport Malta biex tittieħed azzjoni…u baqa’ ma sar xejn.

U filwaqt li ċertament jeħtieġ sewqan responsabbli u buonsens f’kull min ikun wara l-isteering tal-karozza – hu ugwalment importanti li t-toroq ikunu siguri għaċ-ċittadin.