Lokali

Aktar minn 250 akkademiku iħeġġu għal riformi ambjentali

256 akkademiku mill-Università ta’ Malta ingħaqdu u taw l-appoġġ tagħhom għall-protesta nazzjonali li se ssir nhar is-Sibt li ġej bit-tema ‘Xebbajtuna!” fejn qed iħeġġu għal bidla urġenti fl-ambjent u fl-ippjanar.

L-akkademiċi fl-Università ta’ Malta inaqgħdu mal-Moviment Graffitti, Friends of the Earth Malta, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Din l-Art Ħelwa, Nature Trust Malta-FEE, Għawdix, BirdLife Malta u Ramblers’ Association Malta, sabiex jinstab mudell ekonomiku li jtejjeb b’mod ekwu l-kwalità tal-ħajja. Dan filwaqt li qed issir pressjoni għal riformi fil-policies ambjentali, tal-ippjanar, u tal-artijiet.

Fl-aħħar jiem, dawn it-8 għaqdiet ħabbru li se jipprotestaw kontra l-isfreġju ambjentali u l-kostruzzjoni bla rażan fi protesta li se ssir nhar is-Sibt u li tibda fl-10.30am ..  bil-punt ta’ tluq ikun mill-Funtana tat-Tritoni.

F’din il-protesta nazzjonali, l-għaqdiet – u magħhom aktar minn 250 akkademiku – se jkunu qed jitolbu…

…li jinbidlu l-policies tal-ippjanar – bħal dawk li jippermettu l-bini fl-ODZ, l-għoli u l-intensità tal-bini, l-għoli tal-lukandi, u l-iskedar ta’ postijiet storiċi u ta’ valur – sabiex tieqaf il-mewġa ta’ kostruzzjoni li ma tirrispettax il-kuntest, il-wirt storiku, l-ambjent naturali, il-bdiewa u r-residenti.

Qed issir ukoll pressjoni biex titwettaq riforma radikali fl-istituzzjonijiet kollha responsabbli mill-ambjent, l-ippjanar u l-artijiet, sabiex dawn jibdew jaħdmu b’mod serju, trasparenti u indipendenti mill-politiċi u min-negozji. Dan apparti li hemm talba qawwija biex jinbena mudell ekonomiku li jfittex kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd minflok tkabbir ekonomiku bla qies ibbażat fuq il-qligħ tal-ftit.

Il-Partit Nazzjonalista wkoll ilu snin jagħmel pressjoni fuq il-Gvern biex ibiddel il-mudell ekonomiku tiegħu. U ma’ dan il-kor ta’ kundanna, qed jingħaqdu wkoll diversi Sindki Laburisti li fl-aħħar ġimgħar tkellmu apertament kontra l-isfreġju ambjentali.