Lokali

Bernard Grech ifaħħar lill-ħaddiema taċ-ċivil li qdew dmirhom sabiex Abela ma jibqax jabbuża

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech faħħar ix-xogħol tal-ħaddiema taċ-ċivil li kixfu l-illegalità li kien se jipprova jwettaq Robert Abela ma’ Steward Healthcare. Dan meta l-Prim Ministru kien qed jipprova jagħmel deal ieħor ma’ Steward, minflok warrabhom kompletament

Fil-messaġġ tiegħu waqt il-programm ‘Analiżi’ fuq Net Television, Bernard Grech fakkar illi li kieku kien għal Robert Abela u Chris Fearne, il-kuntratt ma’ Steward kien jerġa’ jiġi ffirmat… għal 26 sena sħaħ. Iżda grazzi għax-xogħol ta’ persuni għolja fiċ-ċivil li għamlu dmirhom, dan il-kuntratt ġie meqjus bħala wieħed illegali.

Dan kollu juri kif Abela kien qed jaħdem minn wara dahar il-poplu Malti u Għawdxi biex jagħti kuntratt ieħor lil Steward Healthcare.

Id-deal il-ġdid ta’ Robert Abela kien maħdum bizzilla biex iżomm lil Steward għal mill-inqas 26 sena oħra filwaqt li kien lest joħroġ 35 miljun addizzjonali lill-istess Steward biex jakkwista l-iskola Medika ta’ Barts. Pjan li kellu l-approvazzjoni tal-Kabinett kollu.

Minkejja dan kollu, Robert Abela, fid-diskors tiegħu li għamel il-Ħadd fiċ-ċentru Laburista f’Marsaxlokk, baqa’ jiftaħar li hu mexa sew. Intant, issa għaddew ġimgħatejn mid-denunzja li ġiet preżentata lill-Kummissarju tal-Pulizija. U Angelo Gafa…xorta baqa’ ma għamel assulutament xejn biex jinvestiga lil dawk kollha involuti f’din il-frodi.