Kollox jindika li l-Prim Ministru konservattiv tal-Greċja, Kyriakos Mitsotakis, mhux qed jaħseb biex jaqsam il-poter ma’ partit ieħor wara li rebaħ l-elezzjonijiet nazzjonali ta’ tmiem il-ġimgħa.
U waqt li fisser ir-rebħa tal-Partit ( tiegħu) għal Demokrazija Ġdida bħala ‘terremot politiku’, is-sinjali kienu li Mitsotakis se jmur għal tieni elezzjoni, fl-aħħar ta’ Ġunju, fejn il-partit rebbieħ ikollu d-dritt għal siġġijiet addizzjonali fil-Parlament. Dan kapaċi jsir permezz tal-bonus stabbilit ta’ siġġijiet għall-partit rebbieħ fl-Assemblea u skont il-kriterji tal-Kostituzzjoni.
Skont l-aħħar ċifri minn Ateni, il-partit taċ-ċentru lemin ta’ Mitsotakis għandu jaċċerta minn talanqas 41 fil-mija tal-vot u li jissarraf f’146 deputat fil-Parlament.Madankollu, il-partit xorta għandu ħames siġġijiet anqas mill-maġġoranza stabbilita ta’ 151 siġġu.
Malli ħarġu l-ewwel riżultati mill-elezzjoni, Akexis Tsipras, il-kandidat Soċjalista taċ-ċentru-xellug, bagħat messaġġ ta’ kongratulazzjoni lir-rivali Mitsotakis u wara li l-partit tiegħu, Syriza, kiseb biss 20 fil-mija tal-vot nazzjonali li hu riżultat deludenti għall-aħħar. Fil-fatt, Tsipiras – il-Prim Ministru Grieg bejn l-2015 u l-2019 — ammetta għad-disfatta u tenna li r-riżultat għas-Soċjalisti għandu jitqies bħala ‘ferm negattiv.’
Min-naħa tiegħu, Mitsotakis qed jinsisti li r-riżultat tal-elezzjoni juri li l-poplu Grieg ikkonferma mandat ċar għall-partit tiegħu biex imexxi l-pajjiż għall-erba’ snin li ġejjin. U fl-ewwel diskors tiegħu lill-partitarji f’Ateni, Mitsotakis saħaq li ‘il-poplu għażel li l-pajjiż jitmexxa minn Gvern ta’ maġġoranza u l-Partit għal Demokrazija ġdida, mingħajr l-għajnuna ta’ ħaddieħor.’
L-aħħar indikazzjonijiet mill-Greċja huma li Mitsotakis se jirrifjuta l-offerta tradizzjonali ta’ mandat biex jifforma koalizzjoni mingħand il-President Grieg Katerina Sakellaropoulou u f’liema każ l-offerta tgħaddi lil żewġ partiti oħra. F’każ li l-partiti jirrifjutaw, il-President għandha twitti t-triq għal Gvern proviżorju biex imexxi l-pajjiż sakemm isiru elezzjonjijiet ġodda.
//= $special ?>