Lokali Parlament

Il-gvern ġab sitwazzjoni ta’ bla kontroll fl-użu u l-bejgħ tal-kannabis

Graziella Attard Previ, PN

Id-deputat Nazzjonalista Graziella Attard Previ qalet fil-parlament li l-gvern ġab sitwazzjoni ta’ bla kontroll fil-bejgħ u t-traffikar tal-kannabis.

Graziella Attard Previ qalet li offiżi relatati mal-bejgħ tal-kannabis, l-kontroll u l-produzzjoni mill-assoċjazzjonijiet, is-sħubija, ir-reklamar tal-attivitatjiet u reati oħra issa se jkunu deċiżi minn Kummissarju tal-Ġustizzja flok mill-qrati.

Dan se jnaqqas id-deterrent għal dawk li jiddeċiedu li jabbużaw mis-sistema. Dan b’disservizz lis-soċjetà, sostniet id-deputat Nazzjonaista, li qalet li l-assoċjazzjonijet għandhom ikunu suġġetti għal regoli stretti ħafna. B’din l-emenda l-gvern qed jibgħat il-messaġġ ta’ normalizzazzjoni tad-droga fis-soċjetà.

Id-deputat Nazzjonalsta qalet li r-riforma kellha l-intenzjoni li tipproteġi s-saħħa ta’ min jieħu l-kannabis b’regoli fuq il-konsum, inkluż il-prezz u l-kwalità tajba tal-prodott. Hi sostniet li kull emenda għandha ssaħħaħ il-poteri u l-kontrolli u mhux iddgħajjifhom. L-iktar biża’ ta’ kull ġenitur hu li wliedu jmissu d-droga, tkun xi tkun id-droga.

L-emenda se tkun qed izżid mal-kaos u l-atmosfera ta’ free for all b’riżultat tal-mod li bih iddaħħlet il-liġi. X’tip ta’ infrastruttura hemm biex ir-reati ta’ abbużi jinqabdu? L-Awtorità għandha sistema ta’ ġbir ta’ informazzjoni u biex tagħmel it-tracking? Kif se jibdew jinħarġu l-liċenzji meta m’hemmx sistema?, staqsiet id-deputat Nazzjonalista.

Hi kompliet li l-iskop tal-liġi tal-kannabis kien biex l-kwalità tal-kannabis tkun waħda sigura. In-nuqqas ta’ infurzar se jwassal għall-ekonomija s-sewda, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li staqsiet biex se jsir l-ittestjar meta m’hemmx laboratorju.

Dwar in-numru ta’ membru fl-assoċjazzjonijiet fl-ammont ta’ 500, Graziella Attard Previ staqsiet x’sistema diġitali għandha l-Awtorità biex tassigura dawn il-membri.

X’monitoraġġ se jsir biex il-barranin ma jkunux jistgħu jixtru l-kannabis mill-assoċjazzonijiet? Joints u prodotti qed ikunu reklamati u mwassala d-dar, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li qalet li l-gvern qed jidħak bin-nies għaliex ir-regoli diġà qed jinkisru.

Il-Gvern qed joħloq ambjent ta’ free for all fil-bejgħ tal-kannabis. Wara sena u ħames xhur li daħlet il-liġi, il-gvern għadu m’għamel l-ebda kampanja edukattiva kontra t-teħid tad-droga u ma sarx taħriġ għall-persuni li jaħdmu fis-settur.

Fl-ewwel sena l-Awtorità kellha €100,000 budget u €200,000 għat-tieni sena, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li spjegat kif dan l-ammont mhux biżżejjed biex titwettaq il-politika ta’ prevenzjoni u l-operat tal-Awtorità. Bl-€400 miljun li ta lil Vitals/Steward, il-gvern se nvesta fil-prevenzjoni mit-teħid tad-droga u l-protezzjoni tas-soċjetà.

Graziella Attard Previ qalet li l-konsum tad-droga f’Malta hu kbir u miegħu qed iġib ħafna problemi. Jirriżulta li kważi 2,000 fittxew l-għajnuna, li 80% minnhom kienu diġà ngħataw trattament għad-droga. Il-messaġġ tal-gvern kien ħażin għax dan kien li ma jimpuratx li l-kannabis tista’ tittieħed għax din issa saret legali.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li l-kannabis qed tittieħed kuljum għax m’hemmx infurzar u qalet li l-politika nazzjonali kontra d-droga ilha mill-2008 iżda l-gvern Laburista għadu ma sabx iż-żmien biex jaġġornaha.

Graziella Attard Previ qalet li issa l-gvern irid jimminizza l-valur tar-reati li jistgħu jagħmlu l-assoċjazzonijiet iżda ma ħax ħsieb li jfassal strateġija kontra t-teħid tad-droga. Il-gvern ma kkonsultax mal-esperti għal 15-il sena sħaħ, sostniet id-deputat Nazzjonalista.