Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Ikomplu l-istqarrijiet konfliġġenti dwar Bakhmut

L-istqarrijiet li ħerġin dwar l-aħħar battalji għall-kontroll ta’ Bakhmut, għalissa ma jistgħux ikunu verifikati mis-sorsi indipendenti…Dan meta l-Kap tal-grupp Wagner tal-merċenarji alleati mar-Russja qal li għandu, ‘il quddiem, jittrasferixxi l-kontroll ta’ Bakhmut lill-Armata Russa – bil-Ministeru tad-Difiża Ukren jirribatti li għad għandu ‘preżenza ta’ suldati’ f’din il-belt.

Filwaqt li l-Kap tal-Wagner, Yevgeny Prigozhin, qal li l-militar ta’ Moska għandu jieħu l-kmand ta’ Bakhmut minn idejn il-merċenarji sa mill-bidu ta’ Ġunju,  il-Viċi-Ministru Ukren għad-Difiża, Hanna Maliar, wieġbet li l-qawwiet ta’ pajjiżha għadhom qed jirreżistu mill-inħawi ta’ Bakhmut u li dawn anki qegħdin javvanzaw lejn il-periferiji tal-belt.

Filwaqt li r-Russja qed tiċċelebra dik li fissret bħala rebħa militari kbira, hu minnu li l-Kremlin kellu jħallas prezz wisq kiefer f’ħajja mitlufa biex javvanza saċ-ċentru ta’ Bakhmut…Belt li mhix meqjusa bħala daqstant importanti  anki jekk ilha x-xhur tissimbolizza r-reżistenza tal-Ukreni f’din il-gwerra.

Prigozhin, fl-aħħar sigħat, baqa’ jinsisti li l-merċenarji tiegħu huma kmandi assoluti f’Bakhmut, waqt li l-awtoritajiet militari Ukreni sostnew li d-difensuri rnexxielhom inaqqsu sew mill-intensità tal-aħħar movimenti tal-Wagner.  Dan meta Yevgeny Prigozhin kompla jisħaq li l-Wagner, min-nhar il-Ħamis, għandu jibda jirtira minn Bakhmut ‘ladarba kkonkluda kull diskors dwar il-kontroll tal-belt’.

Ir-rapporti baqgħu konfliġġenti, bir-Russja tgħid li l-Wagner qed jikkonsolida diversi linji ta’ difiża lejn il-Punent ta’ Bakhmut qabel it-trasferiment tal-kontroll lill-Armata tal-Kremlin.

Dan waqt li l-Ministru Maliar bagħtet stqarrija fejn qalet li t-truppi Ukreni għad għandhom f’idejhom ‘xi faċilitajiet privati u s-settur privat fiz-zona ta’ Litak’ li tifforma parti minn Bakhmut.

L-analisti, sadanittant, qalu li jekk ir-Russi tassew ħadu Bakhmut f’idejhom din għandha titqies bħala rebħa simbolika wara l-itwal battalja s’issa fil-gwerra tal-Ukrajna. Madankollu, l-istess analisti kollha qablu li l-belt la kellha u lanqas ma għandha xi importanza strateġika partikulari għar-Russi.