Lokali

Il-President ta’ Malta jżur lill-Maltin li jgħixu New York

Il-Ħadd filgħaxija, il-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura Vella, akkumpanjati mid-delegazzjoni Maltija, żaru lill-komunità Maltija fiċ-Ċentru tal-Maltin f’Astoria, New York.

Iċ-Ċentru tal-Maltin, li hu mmexxi minn voluntiera, twaqqaf fl-1979 bil-għan li l-Maltin ta’ New York ikollhom post fejn jiltaqgħu, jitħaddtu bil-Malti, u jżommu ħajjin it-tradizzjonijiet u l-użanzi Maltin.

Fl-1982 ġie inawgurat iċ-ċentru fejn għadha tiltaqa’ l-komunità Maltija. Sal-lum għadhom jiġu organizzati, fost oħrajn, iljieli Maltin, attivitajiet tal-Ġimgħa l-Kbira, u jiġu ċċelebrati festi bħall-Imnarja, San Pawl, u l-Vitorja, li huma popolari ħafna mal-komunità Maltija.

Isiru wkoll lezzjonijiet tat-tisjir ta’ ikel Malti, tournaments tal-boċċi, u lezzjonijiet tal-Malti. F’kelmtejn tal-okkażjoni, il-President Vella ħeġġeġ lill-Maltin biex ikomplu b’dawn it-tradizzjonijiet li jgħaqqdu lill-komunità.

Il-President qal li dan il-post oriġinarjament kien iservi ta’ wens u kenn għal dawk li emigraw fi New York u l-inħawi, filwaqt li l-irwol ta’ dawn iċ-ċentri nbidel u jservu, fost oħrajn, biex jinxterdu l-identità u l-kultura tagħna l-Maltin, inkluż għat-tagħlim tal-ilsien Malti.