Lokali

“Int kont fjura li taf tħobb u tirrispetta; sa ma nerġgħu niltaqgħu”

Jitkellem Jason Sciberras, missier Kacey – It-tfajla ta’ 17-il sena li tilfet ħajjitha traġikament f’inċident tat-traffiku fis-sigħat bikrin tal-Ħadd

“Int kont il-fjura tagħna. Dejjem bi tbissima fuq fommok. Fjura li taf tħobb u tirrispeta.”

Dan kien il-kliem miktub minn Jason Scibberas; missier Kacey Sciberras – It-tfajla ta’ 17-il sena li tilfet ħajjitha traġikament fl-inċident tat-traffiku li seħħ fis-sigħat bikrin tal-Ħadd.

F’messaġġ mimli emozzjoni fuq il-media soċjali … Jason Sciberras stqarr li l-aħbar ta’ bintu kienet xokk kbir għall-familja kollha, li bħal sajjeta fil-bnazzi ħasdet lil dawk kollha li kienu qribha.

Missier Kacey – illi kienet studenta tal-ITS – qal li bintu issa qiegħdha ma’ fjuri oħra fil-ġnien tal-Mulej, filwaqt li tenna li l-memorja tagħha sa tibqa’ f’qalbu, f’qalb ommha, huha u nannietha tagħha.

It-tfajla ta’ 17-il sena minn San Pawl il-Baħar kienet involuta f’inċident tat-traffiku li seħħ fil-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd fi Triq Tumas Chetcuti – fil-parti tas-Central Link li minn Ħ’Attard tieħdok lejn ir-Rabat, hekk kif is-sewwieq li kien qiegħed isuq il-vettura tat-tip Chevrolet, għal xi raġuni tilef il-kontroll u konsegwenza ta’ dan .. il-vettura ħabtet ma’ ħajt u ma’ arblu.

Filwaqt li l-vittma spiċċat tilfet ħajjitha mad-daqqa, żewġ żgħażagħ oħra; is-sewwieq u tfajla oħra ta’ 17-il sena jinsabu rikoverati fl-Isptar Mater Dei u qegħdin isofru minn ġrieħi gravi. Il-ħabib ta’ Kacey li kienet fil-karozza magħha hija ukoll studenti tal-ITS.

Fuq il-media soċjali, kienu bosta dawk li qalu li Kacey dejjem kont taraha bi tbissima fuq fommha; mimlija enerġija, u lesta biex tgħin lil kull min hu fil-bżonn.

Kull min kien jafha, kulħadd jaf li Kacey kellha imħabba kbira lejn il-festa tar-raħal .. tant hu hekk li kienet membru attiv fil-Kumitat Żgħażagħ Ġawhrin. Filfatt diversi membri mill-Kumitat tal-Festa ta’ San Pawl il-Baħar kitbu u stqarrew li tilfu waħda minn uliedhom hekk kif lil Kacey rawha tagħmel l-ewwel passi fil-maħżen tal-festa, rawha tikber u dejjem ammiraw l-imħabba kbira li kellha lejn il-padruna tar-raħal.

Fuq Facebook tkelmet ukoll eks għalliema ta’ Kacey… illi saħqet kif sa minn età żgħira, kienet indunat li din l-istudenta kellha talent fit-tisjir u dejjem ikuraġġietha sabiex tkompli tistudja is-sengħa li tħobb. Filfatt Kacey kompliet l-istudji tagħha fl-ITS… u skont diversi għalliema li sellmu l-memorja tagħha, hi kellha talent kbir u dedikazzjoni għat-tisjir.

Ma naqsux ukoll numru kbir ta’ kummenti mill-ħbieb ta’ Kacey fejn kollha ddeskirvew lil din it-tfajla bħala persuna b’qalb tad-deheb … li kienet taf tħobb u dejjem rat kif għamlet sabiex tgħin. Ħafna qalu li lil Kacey dejjem kont taraha bi tbissima fuq wiċċha li kienet tixgħel kamra.

Dwar dan l-inċident infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.