GSSE Malta 2023 Sport

Ippreżentat il-ktieb ‘Bertie Muscat – My Memoirs’

Kien ippreżentat uffiċjalment il-ktieb ‘Bertie Muscat – My Memoirs’ b’rabta wkoll mad-19-il Edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li magħhom Bertie Muscat kellu rabta diretta fit-tfassil tal-istruttura tal-Logħob kif nafuha llum.

Dan il-ktieb, imħejji minn Maria Ciappara, jiġbor fiħ il-karriera ta’ persuna li jista’ jitqies bħala d-dekan tal-amminstrazzjoni tal-isport f’pajjiżna.

Bertie Muscat twieled fil-31 ta’ Awissu 1929. Fl-Olimpijadi ta’ Barcelona fl-1992 ingħata l-Ordni Olimpika u sa llum huwa l-uniku amminstratur Malti onorat mill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali.

Fl-1993 sar membru tal-Ordni tal-Mertu ta’ Malta u sena wara ingħata t-trofew tal-KOI. Muscat kien ukoll rebbieħ tal-Uffiċjal tas-sena fl-1972 u 1976.

Bertie Muscat lagħab il-waterpolo ma’ Sirens ASC u fl-1958 irrappreżenta lil Malta fil-Logħob tal-Commonwealth f’Cardiff. Kien ukoll Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Olimiku Malti bejn l-1981 u 1993 u Teżorier u Viċi President tal-KOM għal 12-il sena. Bertie Muscat kien President tal-ASA bejn l-1969 u 1983 wara li kien Segretarju Ġenerali bejn l-1961 u 1968.

Fix-xena internazzjonali kien Segretarju Ġenerali tal-LEN bejn l-1990 u l-2004 wara li kien membru tal-LEN bejn l-1981 u 1989. Membru Fundatur tal-Logħob tal-Pajjizi ż-Żgħar fejn kien Segretarju tal-Kumitat Internazzjonali tal-Logħob bejn l-1993 u l-2002.

L-awtriċi Maria Ciappara għal bosta snin kienet fis-Segretarjat ta’ Bertie Muscat fil-perijodu meta kien Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Olimpiku Malti.

Il-ktieb sar bil-kollaborazzjoni tas-Solidarjetà Olimpika.