€16 iżjed. Dan huwa l-ammont kemm qed togħla bħala medja xirja normalissima u bażika ta’ affarjiet essenzjali għaċ-ċittadini Maltin u Għawdxin; żieda reġistrata għall-ewwel 5 xhur tas-sena.
Dan skont rapport maħruġ fl-aħħar ġimgħat mill-UĦM – Voice of the Workers fejn, kif qiegħed ukoll jappella l-Partit Nazzjonalista, insistew mal-Gvern ta’ Robert Abela sabiex jieqaf jintaxxa l-COLA u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali bil-għan li jkomplu jiġu mgħejuna l-familji.
Madanakollu Robert Abela u sħabu jidher li ma jridux jafu.
Preżentament, bl-inflazzjoni kull ma jmur qed tiżdied b’mod sproporzjonat, l-għajnuna tal-COLA qiegħda ta’ €9.90 fil-ġimgħa… ammont li fuqu titħallas it-taxxa. Fi kliem sempliċi l-Gvern qiegħed jagħti l-għajnuna lill-familji sforz mekkaniżmu awtomatiku….li minnha qed jieħu xorta waħda l-flejjes minn but il-poplu…flejjes li f’sena jammontaw għal €25 miljun.
It-Tnejn waranofsinhar Net News tkellem mal-Ministru responsabbli mill-familja Michael Falzon fejn meta ġie mistoqsi jekk il-Gvern ta’ Abela hux qiegħed jikkonsidra li jieqaf jintaxxa din l-għajnuna …qalilna biss li r-regoli japplikaw għal kulħadd.
Madanakollu filwaqt li ħa l-mertu tal-mekkaniżmu awtomatiku li kien tfassal minn Gvern Nazzjonalista ….u ma żbilanċjax ruħu jgħid jekk Abela u l-bqija ta’ sħabu qed jikkunsidraw ineħħu din it-taxxa.
Dan kollu minkejja l-appelli tal-Partit Nazzjonalista kif ukoll tal-UĦM u bosta entitajiet oħra – ilkoll jisħqu favur l-interessi tal-ħaddiema u l-familji Maltin u Għawdxin li preżentament qed iħabbtu wiċċhom mal-għoli tal-ħajja u inflazzjoni li kull ma jmur qed tkompli tiżdied.
Fl-aħħar ġimgħat u xhur, kienu għexieren il-prodotti essenzjali li l-prezzijiet tagħhom splodew ‘il fuq. Dan apparti żieda fil-prezz tal-mediċini u żieda fil-prezz ta’ bosta servizzi.