Il-Qorti tal-Appell Kriminali qalet li filwaqt mhux se tibdel xejn minn sentenza ta’ 15-il xahar ħabs fil-konfront ta’ żagħżugħ ta’ 26 sena bi problema ta’ droga, wara li ammetta li seraq kważi €49,000 minn stabbiliment tal-ikel fil-Belt Valletta, xorta qalet li trid tagħmel kuraġġ lil Kane Grima.
Dan sabiex wara li jtemm t-traġitt tiegħu u jkun ħallas ta’ għemilu, jerġa’ jibda jgawdi ħajtu u jintegra ruħu bħala parti mis-soċjetà. Il-Qorti kkunsidrat il-fatt ukoll li f’dan il-każ kien Grima li ppjana s-serqa u fittex l-għajnuna ta’ ħadd ieħor biex iwettaqha.
Barra minn hekk l-appellant naqas milli jħares kundizzjonijiet imposti fuqu kemm mill-Imħallef Edwina Grima u mill-Maġistrat Monica Vella, liema akkużi, ammetta wkoll għalihom Kane Grima. Dawn ukoll fuq akkużi ta’ serq. Is-serqa fil-belt kapitali kienet saret it-Tnejn 29 ta’ Lulju tal-2019 għall-ħabta tas-2.15pm.
Grima kien ammetta li wettaq din is-serqa u li rrenda ruħu kompliċi f’serqa ta’ €48,992 mll-istabiliment Burgers Ink li jinsab fil-kumpless “Is-Suq tal-Belt” li jinsab fi Triq il-Merkanti, l-Belt –Valletta. Il-Qorti tal-Maġistrati kienet poġġiet lil Grima taħt Ordni ta’ Trattament, liema ordni kienet għall-perjodu ta’ tliet snin u biex ikompli jingħata kull kura neċessarja sabiex jindirizza l-vizzji li għandu u jingħata assistenza psikoloġika sabiex ikun jista’ jindirizza t-trawmi li għadda minnhom fil-passat u li kellhom impatt fuqu.
L-Ewwel Qorti ordnat ukoll li l-ħati jkompli jiġi ssorveljat minn uffiċjal tal-Probation u Parole għal perjodu ta’ tliet snin u li għandu jikkoordina mad-Direttur tal-Ħabs sabiex waqt li jkun qiegħed jiskonta l-piena jkompli bit-trattament meħtieġ b’mod immedjat.
Kienet rrakkomandat ukoll lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li waqt li l-ħati jkun fil-perjodu ta’ inkarċerazzjoni, u sa fejn jaċċetta l-istess ħati, jiġi offrut u jingħata kull opportunita’ possibbli sabiex itejjeb il-livell ta’ edukazzjoni tiegħu u jitgħallem sena li eventwalment tgħinu jintegra ruħu fil-ħajja tax-xogħol u s-soċjetà.
Grima qal li l-Ewwel Qorti ma tatx każ tal-aspett riformattiv tas-sentenza fejn mexa ‘l quddiem fir-riabilitazzjoni tiegħu u issa kien jitkisser kollox bil-piena mogħtija mill-Ewwel Qorti. Hu żied jgħid li rritorna sehmu minn dak misruq. Qal ukoll l-vittma tas-serqa xtaqet taħfirlu għal dak li għamel u li fuq kollox ammetta fi stadju bikri tal-proċeduri u kkollabora mal-Pulizija.
Il-Qorti tal-Appell fis-sentenza tagħha nnotat x-xhieda mogħtija mill-Uffiċjal tal-Probation Donnalise Camilleri. Hi qalet li Grima kien ilu f’kuntatt mad-dipartiment tal-Probation mis-sena 2016 fuq diversi ordnijiet differenti. Fil-passat kellu l-problemi tal-użu tal-cannabis u tal-kokaina iżda minn Marzu 2021 ‘il quddiem t-testijiet kienu negattivi.
Qalet li għamel ukoll programm residenzjali u ggradwa u li hu dejjem ikkoopera ħafna u dejjem ifittex l-għajnuna. F’dan il-punt l-Avukat Ġenerali rrifera għar-rakkomandazzjoni li kienet għamlet l-Uffiċjal tal-Probation Deborah Farrugia li s-sentenza kellha tkun waħda ta’ priġunerija effettiva b’dan illi l-Uffiċjal tal-Probation Camilleri wieġbet li meta kellmet lill-Uffiċjal tal-Probation ta’ qabilha, jiġifieri Deborah Farrugia din kienet tatha feedback pożittiv fuq l-appellant għaliex kien ħadem fuq il-problemi li kellu.
Il-Qorti tal-Appell preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri qalet li ma tantx għandha aktar wisq xi tgħid għajr li l-piena mogħtija mill-Ewwel Qorti taqa’ fil-parametri tal-piena għall-akkużi li tagħhom Grima instab ħati. Qalet ukoll li l-piena mposta mill-Ewwel Qorti kienet waħda legalment u raġonevolment valida, mhux “manifestly excessive.”
Sostniet li ma teżisti l-ebda raġuni li tista’ twassalha sabiex titbiegħed mid-diskrezzjoni eżerċitata mill-Ewwel Qorti fil-kalibrazzjoni tal-piena minnha magħmula, liema piena għalhekk għandha tibqa’ nvarjata.
//= $special ?>