Albert Buttigieg, PN
Id-deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg qal fil-parlament li min jabbuża mid-droga għandu bżonn għajnuna u mhux kastig.
Albert Buttigieg qal li l-messaġġ irid ikun li d-droga hi ħażina u kompla li kull persuna li tabbuża għandha bżonn għajnuna u mhux kastig. Fuq dan jaqbel kulħadd, sostna d-deputat Nazzonalista li qal li l-abbuż tad-droga hu problema ta’ saħħa.
L-abbuż tad-droga juri li l-persuna jkollha problemi ikbar fil-ħajja. Id-droga hi biss effett u mhux il-kawża u għalhekk f’ħafna każi ir-raġuni tibda minn sitwazzjonijiet fit-tfulijia tal-persuna li jkollhom diffikultajiet.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-PN jaqbel mad-deċriminalizzazzjoni tal-persuni li jieħdu d-droga iżda l-azzjoni fiha nnfisha hi abbużiva. Il-PN hu favur il-persuna iżda kontra d-droga għaliex din tagħmel il-ħsara. Il-messaġġ fis-soċjetà mhux qed ikun ċar għax dan qed jasal li min qed jieħu d-droga mhu qed jagħmel xejn ħażin.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li fl-2022 inqabdu seba’ persuni jabbużaw mid-droga f’Paceville u sostna li, dan juri, li l-gvern m’għandu ebda intenzjoni li jinforza l-liġi biex jidher sabiħ; ibiegħ ruħu biex ikompl jidher sabiħ.
Albert Buttigieg qal li se jkun hemm problema fil-ġenerazzjonijiet futuri li se jkollhom mentalità li jistgħu jieħdu d-droga u qisu ma jkun hemm l-ebda effett. Kien hemm żieda ta’ 11% fuq l-2019 fil-persuni li fittxew l-għajnuna.
Dawk li bdew ipejpu kellhom 16-il sena iżda fittxew l-għajnuna meta dawn kellhom 25 sena; disa’ snin wara. Kull drogat beda bil-ħaxixa, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li l-ikbar problema fil-pajjiż hi l-użu tal-alkoħol. Għalhekk m’għandhomx jiżdiedu l-problemi, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li hemm evidenza li l-kannabis twassal għal problemi ta’ saħħa mentali.
Hi fantażija li s-suq se jkun kontrollat għax hemm l-assoċjazzjonijiet għaliex is-suq l-iswed se jibqa’ dejjem iktar u iktar minħabba li m’hemmx regoli. Hu tkellem dwar il-problemi f’San Ġiljan u Paceville u qal li minbarra l-problemi ta’ xorb, issa se jkun hemm persuni li jmorru Paceville għal skop ta’ teħid ta’ droga. Dan se jeffettwa wkoll it-turiżmu ta’ kwalità. Problemi oħra se jkunu fil-kuntest tal-persuni li jkunu taħt l-effett tal-kannabis u jkunu se jsuqu.
Albert Buttigieg qal li l-gvern jisma’ biss lil min irid għax ma jismax mill-professonisti fs-settur; il-gvern m’għandu l-ebda interess li jiddefendi liċ-ċittadini.
//= $special ?>