Lokali Qorti

Minn ħabs effettiv għal sentenza sospiża f’każ ta’ droga li jmur lura sa mill-2007

Raġel li llum għandu 40 sena kellu sentenza ta’ tmien xhur ħabs mibdula għal waħda ta’ sena ħabs sospiżi għal sentejn fuq pusses ta’ eroina f’ċirkostanzi li juri li din ma kinitx għal użu esklussiv tiegħu, f’każ li jmur lura 16-il sena. Mario Fenech kien ippreżenta rikors fejn kien talab li l-każ tiegħu kellu jinstema’ quddiem Qorti li tassumi l-funzjoni tagħha bħala waħda ta’ droga.

Din it-talba kienet milqugħa wara emenda fil-liġi kienu daħlet fis-seħħ u li ma kienitx teżisti fl-2007. Il-Psikologa
Roberta Holland ippreżentat r-rapport tagħha, fejn il-Bord ta’ Rijabilitazzjoni ta’ Persuni li Nqabdu bid-Droga nforma lil lill-Qorti li kien qed jikkunsidra l-każ bħala magħluq b’suċċess.

F’dan il-każ, għal ħabta tat-8.00pm tal-14 ta’ Ġunju 2007, żewġ kuntistabbli tal-Pulizija kienu fuq ronda f’Ħal Qormi meta nnutaw vettura tal-għamla Mercedes ta’ kulur silver li kellha l-ħġieġ tinted. Il-Pulizija daqqew il-horn sabiex iwaqqfu lil Fenech ħalli jkellmuh fuq il-ħġieġ tinted.

Fil-ħin u l-waqt l-appellant beda jsuq bl-addoċċ. Il-Pulizija saqu għal warajh meta dan rema borża mill-vettura. Il-vettura twaqqfet ftit wara u wieħed mill-Pulizija mar ifittex dak li kien intrema qabel. F’din it-tfittxija instabet borża bi trab kannella fiha.

Meta twaqqaf Fenech fil-vettura kellu miegħu tifel żagħżugħ. Il-Pulizija għamlu tfittxija fil-vettura u sabu flus kontanti fl-ammont ta’ LM422 (kważi elf ewro) u mobile. Minn analiżi tal-kontenut tal-borża tal-plastik li allegatament intremiet mill-appellant irriżulta li t-trab kannella kien droga eroina u l-ammont tal-eroina kien dak ta’ 4.9 grammi b’purita’ ta’
31.4%.

Skont ix-xiehda mogħtija mill-iSpiżjar Mario Mifsud minn dan l-ammont jinħargu 49 qartas b’0.1 gramma kull wieħed. Il-Pulizija minbarra fuq ir-reat ta’ droga kienu xlew lil Fenecg talli saq vettura b’manjiera perikoluża u b’ġiri aktar milli jmissu.

L-Ewwel Qorti kienet korretta fuq l-apprezzament tal-provi

Dawn l-imputazzjonijiet ġew deċiżi mill-Qorti tal-Maġistrati wara li Fenech ammetta u weħel multa u ammenda u ġie skwalifikat mil-liċenzja tas-sewqan għal tliet xhur. Fenech ilmenta li meta l-Ewwel Qorti sabitu ħati fuq droga għamlet apprezzament żbaljat tal-provi.

B’mod partikolari hu lmenta li ma hemm l-ebda regola ta’ dak li jikkostitwixxi ammont għall-użu esklussiv u l-ammont waħdu mhux prova konklussiva sabiex il-Qorti ssib ħtija. L-appellant ilmenta li l-Prosekuzzjoni kellha l-obbligu
wkoll li tipprova l-intenzjoni tiegħu li jittrafika d-droga. Minbarra dan huwa jsemmi li ma nstabux djarji u droga maqsuma f’dożi lesti għall-bejgħ. Saħaq ukoll li permezz ta’ dak li qalet l-Uffiċjal tal-Probation huwa ġab prova tal-fatt li kien jikkonsma d-droga.

Il-Qorti tal-Appell qalet li hu mhux qiegħda hemm biex twaqqa’ dak li qalet l-Ewwel Qorti fejn fil-fatt is-sentenza tagħha kienet skont il-liġi. L-Ewwel Qorti tat ħafna piż lill-ammont ta’ droga li nstabet u qablet dan ma’ dak li xehdet l-Uffiċjal tal-Probation fejn din ikkonfermat li l-appellant ikkonferma magħha li huwa kien jabbuża mid-droga.

Il-Qorti tirreferi għax-xiehda mogħtija mill-iSpiżjar Mario Mifsud fit-22 ta’ Marzu 013 fejn huwa jikkonferma li jekk wieħed kellu jikkonsma l-ammont ta’ droga li kellu fil-pussess tiegħu l-appellant f’ġurnata waħda dan kien imut. Din il-Qorti tikkunsidra li mhux minnu li l-ammont ta’ droga misjub kien biss għall-użu personali.

Illi l-fatt li Fenech kien jagħmel użu mid-droga ma jfissirx li huwa ma kienx jittraffika tali sustanza. X’aktarx tali traffikar seta’ jiffinanzja l-istess vizzju tiegħu. Fil-fehma ta’ din il-Qorti anke l-ammont ta’ flus li nstabu fuq l-appellant huma indikazzjoni ta’ xi forma ta’ tranżazzjoni.

Minbarra dan fix-xiehda tiegħu l-uffiċjal tal-Pulizija Kevin Decelis qal li l-flus kienu mitfugħa bl-addoċċ. Dan kollu magħdud mal-ammont ta’ droga li kien hemm fil-borża jwassal lil din il-Qorti għall-istess konklużjoni. Fil-fehma
tal-Qorti l-ammont ta’ droga misjub jindika li huwa ammont residwali wara li tlestew xi dożi.

Minbarra dan anke r-reazzjoni ta’ Fenech meta l-Pulizija ippruvaw jagħmlu kuntatt miegħu tixhed kontra tiegħu. Mhux kredibbli għal din il-Qorti l-fatt li l-appellant ipprova jaħrab minħabba li l-ħġieġ tal-vettura kienu tinted. Din hija reazzjoni ta’ persuna li taf li qegħda fil-ħażin u ppruvat taħrab.

Trapass taż-żmien u li huwa persuna mibdula

Il-Qorti qalet li ġie nnotat il-fatt li l-akkużi fil-konfront tal-appellant imorru lura għas-sena 2007 u għat-trapass ta’ żmien li ħadu l-proċeduri sabiex jiġu konklużi. Dak li jirriżulta mix-xhieda mogħtija mill-Uffiċjal tal-Probation Maria Mifsud fid-9 ta’ Jannar 2017 quddiem l-Ewwel Qorti fejn ikkonfermat li Fenech kien qalilha li huwa kien jabbuża mid-drogi kokaina u eroina.

Mit-testijiet tal-urina jidher li huwa ma kienx għadu jagħmel użu minn dawn is-sustanzi u dak li jirriżulta mir-rapport
magħmul mill-Psikologa Roberta Holland fejn hija kkonkludiet li f’punt ta’ ħajtu l-appellant kien fi stadju avvanzat fl-abbuż tad-droga iżda huwa rnexxielu jagħmel passi konkreti sabiex jirriabilita ruħu.

“In vista tal-fatt illi l-Bord huwa sodisfatt bil-mod ta’ kif din il-‘care plan’ ġiet segwita mill-klijent, l-istess Bord qiegħed jikkunsidra l-każ bħala magħluq b’suċċess”. Il-fatt illi jirriżulta li l-unika kawża li Fenech għandu pendenti hija dik biss li tmur lura għal 2007.

Għaldaqstant l-appellant huwa kandidat idoneu sabiex fil-konfront tiegħu jiġu applikati l-Artikoli 8(7) u 8(8) tal-Kapitolu 537 tal-Liġijiet ta’ Malta u kif ukoll il-proviso ta’ Artikolu 8(7) tal-Kapitolu msemmi b’dan għalhekk illi la darba l-Qorti hija sodisfatta fuq bilanċ ta’ probabbilitajiet illi r-reat li dwaru Fenech ġie misjub ħati kien prinċipalment attribwibbli għad-dipendenza tiegħu fuq id-droga, l-Qorti tal-Appell qalet li se tibdel is-sentenza għal waħda sospiża.
Għaldaqstant din il-Qorti ser tbiddel il-piena ta’ priġunerija

Dwar il-multa ta’ €1,000 li l-Ewwel Qorti kkundannat lill-appellant iħallas, il-Qorti tal-Appell qalet li din il-multa taqa’ fil-arametri ta’ dak li l-Qorti msemmija setgħet timponi u se tibqa’ fis-seħħ. Kienet ukoll ikkonfermata l-parti tas-sentenza li Fenech huwa reċidiv. Huwa kien ordnat ukoll iħallas l-ispejjeż tal-esperti tal-Qorti li huma ta’ €767.70, liema spejjeż għandhom jitħallsu fi żmien tliet xhur.

Kienet ikkonfermata wkoll il-parti tas-sentenza fejn ġiet ordnata r-rilaxx tas-somma ta’ Lm422 (kważi elf ewro) u €20, sussegwentement depożitati taħt l-awtorita’ tal-Qorti f’forma ta’ bank draft maħruġ mill-Bank Ċentrali. kif ukoll ir-rilaxx tal-mobile phone favur l-appellant. Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat dik il-parti tas-sentenza appellata fejn ġiet ordnata d-distruzzjoni tad-droga eżebita.