Lokali Qorti

Ordnat iħallas €8,550 manteniment b’lura; jgħid li ma kienx ċert 100% jekk ibnu hux tiegħu

Il-Qorti tal-Familja ordnat missier żagħżugħ li fl-2003 ħareġ tqila tfajla taħt l-età biex joħroġ is-somma ta’ €8,550 f’arretrati fuq manteniment peress li ma kien ħareġ l-ebda ċenteżmu waqt it-trobbija ta’ binhom. Ir-raġel kien beda joħroġ ma’ tfajla ta’ 13-il sena u ħariġha tqila meta kellha 15-il sena. Wara t-twelid tat-tifel inqalgħu diversi problemi u l-koppja ma baqgħetx flimkien bil-missier jgħid fil-Qorti li l-omm kienet tgħidlu li ibnu mhux tiegħu.

Il-fatt li huwa missier it-tifel ġie konfermat wara testijiet bioloġiċi li saru. It-tifel illum għandu l-età tiegħu. Fis-sentenza tagħha l-Qorti preseduta mill-Imħallef Anthony Vella qalet li l-missier għandu dover fondamentali ta’ ġenitur li jipprovdi manteniment lil uliedu, liema manteniment jinkludi wkoll fih spejjeż dovuti għas-sahha u edukazzjoni.

Il-Kodici Civili jgħid li ż-żwieġ jimponi fuq il-miżżewġin l-obbligu li jieħdu ħsieb, imantnu, jgħallmu u jedukaw lill-ulied li jiġu miż-żwieġ skont il-ħila, xeħtiet naturali u aspirazzjonijiet tal-ulied, dan jgħodd ukoll għall-koppja li għandha t-tfal, anke jekk ma tkunx miżżewwġa.

Mill-provi ħareġ li t-tfajla fis-sena 2001, kellha relazzjoni ma’ raġel u li din intemmet fis-sena 2004. Minn din ir-relazzjoni, il-koppja kellhom tifel, li twieled fit-12 ta` Dicembru, 2003. Għall-ewwel il-missier kien irrifjuta li jirrikonnoxxi lil istess ibnu bhala l-missier naturali tieghu.

Il-Qorti tal-Familja kienet tat deċiżjoni taghha fit-23 ta` Marzu, 2017, fejn kienet ordnat illi r-Reġistru Pubbliku jniżżel lir-raġel bħala l-missier naturali tal-minur wara r-riżultati tat-testijiet li saru. Ħareġ li l-missier qatt ma ħallas ċenteżmu bħala manteniment lil ibnu minuri. Dan ukoll minn meta tħassret ir-relazzjoni tagħhom u għalhekk hi kellha tibda medjazzjoni sabiex  jħallas rata ta` manteniment lil ibnu kull xahar kif wkoll b’lura.

Il-missier qal omm it-tifel kienet tgħidlu li mhux tiegħu

Wara żewġ seduti mħollija apposta sabiex issir din il-medjazzjoni hu baqa’ ma deherx u qatt ma kkuntattja lill-omm it-tifel sabiex forsi isir kuntratt bonarju. Ingħad li kien għalhekk li ngħalqet l-medjazzjoni u awtoriżżat lill-omm sabiex tipproċedi b’kawża.

Minn naħa tagħha l-omm għamlet diversi tentattivi fis-sena 2005 ‘l quddiem sabiex tikkuntattja lil missier iżda dan biddel in-numru tal-mobile tiegħu sabiex jibqa’ jevita l-obbligi tiegħu li jħallas għal manteniment dovut lil ibnu. Minn naħa tiegħu hu qal li ried ikun involut fil-ħajja tat-tifel għal diversi snin, iżda l-omm ippreferiet tirreġistrah bħala “missier mhux maghruf” sabiex tingħata l-għajnuna soċjali mingħand l-Istat.

Fil-fatt hu qal li hi kienet tinsisti miegħu li hu mhux il-missier bijoloġiku tal-minuri u li kien frott ta’ relazzjoni li hija kellha ma’ terz. Meta wara għadd ta’ snin, il-mara finalment ipproċediet bil-kawża għar-rikonoxximent, hu m’oġġezzjonax, biex isiru t-testijiet ġenetiċi, peress li kienet dejjem tgħidlu li mhuwiex il-missier.

Qal ukoll li hi qatt ma rieditu jkun f’ħajjet ibnu u għamlet minn kollox biex teskludih totalment u dan jirriżulta wkoll mir-rikors li ppreżentat fejn talbet biss manteniment u arretrati, mingħajr ma talbet xejn dwar kura u kustodja u/jew aċċess li hu għandu jgawdi fil-konfront tal-wild minuri.     

It-tfajla kienet ltaqgħet miegħu meta kellha 13-il sena u ta’ 15-il sena kienet harget tqila. Minkejja li hu kien iwiegħdha li kollox kien se jkun tajjeb, meta twieldet it-tarbija, tagħtu rasu minħabba l-ispejjes. Il-genituri tiegħu kienu nfurmaw lill-omm it-tifel li ma setgħux jgħinuha finanzjarjament u għalhekk kien aħjar li tirreġistra lit-tifel fuq missier mhux magħruf.

Kienu damu xi sena u nofs flimkien wara li twieled it-tifel u mbagħad hu kien jara lit-tifel kull nhar ta’ Ġimgħa. Hu qal xi kultant kien jixtri xi bżonnijiet ghall-minuri bħal nappies u ħalib. L-omm innegat dan jew kif qal hu li kien xtara pushchair jew xi affarijiet għat-tifel.

Din il-verzjoni kienet ikkonfermata minn ommha, (in-nanna tat-tifel) li kkonfermat li qatt ma ratu jgħaddi flus lil bintha għal binhom. Kien hemm okkażjoni fejn hi kienet talbitu sabiex jaqsmu l-ispejjes u jixtru drums għat-tifel. Minn dakinhar ma reġax mar għat-tifel u lanqas setgħet tikkomunika miegħu ghax biddel il-mobile, ingħad fil-Qorti.  

Il-kawża saret wara 13-il sena

L-omm li llum għandha mpieg qalet li ommha kienet tgħinha mill-paga li kien jgħaddilha missierha u anke missierha kien jgħinha ħafna. Meta telqet lill-missier it-tifel hi kienet marret tgħix f’post bil-kera li kien ta’ madwar €60 fix-xahar u kien sussidjat mill-Gvern.

L-omm fetħet il-kawza wara 13-il sena peress li qabel ma kellhiex flus. Il-missier spjega li sakemm kien taħt l-impressjoni li l-minuri huwa tiegħu, kien jikkontribwixxi għall-manteniment kull meta kienet titolbu l-omm. Tenna li kien ġieli ħallas fi fus kontanti .

Qal ukoll li kellu l-ispejjes tal-karozza għax kellu ‘loan’ fuqha u għalhekk ġieli kien jitlob lill-ġenituri tiegħu sabiex jgħinuh. Qal li meta ħassru u ried jaqleb it-tifel fuq ismu, l-omm kienet bdiet tgħidlu li t-tifel mhux tiegħu sakemm spiċċa konvint li dan kien il-każ minhabba d-dubji li qajmitlu.

Ghal bidu kien jara lil ibnu darba f’ġimgħa, izda mbagħad meta beda jaħseb li t-tifel jista’ jkun mhux tiegħu, kien waqqaf il-kuntatt kompletament. Sadanittant kien mar jistudja barra minn Malta. Wara li ġie kkonfermat bħala l-missier tat-tarbija, qal li pprova jagħmel kuntatt mal-omm u kien hemm darba fejn kien iffirma l-passaport għall-minuri.  

Qal ukoll fil-qorti li sallum m’hemmx relazzjoni ma’ ibnu minkejja li għamel tenattivi. Tenna wkoll li l-qagħda finanzjarja tiegħu mhix waħda tajba u dan minħabba li kien ħa kumpanija u minħabba ma kinitx sejra tajjeb u kien hemm xi kontijiet ta’ madwar €150,000, flimkien mal-VAT x’jitħallsu.  

Omm missier it-tifel qalet li d-diżgwid beda peress li l-omm bdiet tinsisti li għandu jagħtiha iżjed manteniment. Qalet li peress li ma kellux minn fejn, binha nsista li ma jgħaddilhiex iżjed flus, u l-omm spiċċat theddu li mhux ser turih it-tifel. Spjegat ukoll li kienet xorta tmur bix-xirjiet, izda omm it-tifel u l-familja tagħha bdew jirrifjutawhom għax riedu flus, imbagħad spiċċat tieħu x-xirja xorta u tħalliha wara l-bieb.        

Il-Qorti qalet biex sabiex jigi kkalkolat l-ammont ta’ manteniment għall-ulied għandhom jitqiesu l-mezzi tal-miżżewwġin, il-ħila tagħhom li jaħdmu u l-bżonnijiet tagħhom.   

L-ammont ta’ manteniment

Mill-provi rriżulta li tul dawn is-snin, l-omm dejjem għaddiet bil-benefiċċji soċjali u kien biss fl-2021 li bdiet taħdem. Filwaqt li l-missier sa mis-sena 2016 irriżulta li dejjem kien jaħdem full-time, għalkemm il-paga mhix waħda fenomenali. Huwa baqa’ jinsisti li kien ħallas lill-omm it-tifel l-manteniment u kien ihallas fi flus kontanti. Dan kien miċħud mill-omm. Għalhekk qalet il-Qorti, il-kawża tiddependi mill-kredibilità tal-partijiet u tax-xhieda prodotti minnhom.

Apparti l-provi, il-verżjoni tal-missier hija aktar kredibbli minn dik tal-omm. Il-Qorti hi tal-fehma li l-omm m’għandhiex tiġi ppremjata talli qabdet u rreġistrat lill-minuri bħala iben missier mhux mażhruf, caħdet lilu milli jara lill-ibnu – bil-konsegwenza li dan it-tifel, kiber mingħajr missier – u issa tippretendi arretrati ta’ manteniment.

Dan ifisser li hi kienet taf li dak li kienet toħroġ miegħu huwa fil-fatt il-missier ta’ binha, eskludietu minn ħajtu, u mank ressqet riċevuta waħda tal-infiq illi għamlet tul dawn is-snin kollha. Ghalhekk, il-manteniment li llikwidat l-Qorti bhala arretrati se tmur lura biss sa meta kienet giet deċiża l-kawza ta’ paternità, li tirrizulta biss miċ-ċertifikat tat-twelid tal-istess tifel, peress illi ma ġietx esebita dik is-sentenza.

Skond dak iċ-ċertifikat, il-kawża ġiet deċiża fit-23 ta’ Marzu 2017. Għalhekk, sakemm it-tifel għalaq l-eta’ ta’ 18-il sena, fit-23 ta’ Dicembru 2021, għaddew erba’ snin u disa’ xhur. Peress illi ma nġabu ebda provi dwar dħul tal-partijiet, jew spejjeż magħmlulha, il-Qorti illikwidat manteniment fis-somma ta’ €150 fix-xahar ghal dan il-perjodu, li għalhekk għal 57 xahar jammontaw ghal €8,550.00.

Ma tressqux provi kif ingħad li t-tifel jaħdem u għalhekk ghall-Qorti m’hemmx ċertezza Mill-provi ma jirriżultax ukoll jekk it-tifel jistudjax jew le. Il-Qorti ordnat li l-omm titħallas l-ammont ta’ €8,550 mir-raġel. L-Avukat David Gatt deher għall-omm.