Il-Prim Ministru Robert Abela bid-diskors tiegħu f’Marsaxlokk spiċċa ikkonferma li l-Gvern tiegħu se jżomm it-taxxa fuq il-COLA. U fl-ebda ħin ma ddikjara li se jneħħi din it-taxxa biex jgħin lill-ħaddiema u l-familji.
Dan ifisser illi filwaqt li l-ħaddiema qed jieħdu ż-żieda għall-għoli tal-ħajja – b’sena lura – dawn il-flus jerġa’ jieħodlok minnhom, għaliex jiġu intaxxati.
Waqt id-diskors politiku tal-Ħadd fiċ-Ċentru Laburista ta’ Marsaxlokk Robert Abela prova jattakka l-proposta tal-Partit Nazzjonalista.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech minn naħa tiegħu kien ippropona biex il-COLA ma tiġix intaxxata sabiex b’hekk kull persuna tieħu ż-żieda b’mod sħiħ.
Iżda minkejja li għandu quddiemu din il-proposta li taf tkun ta’ appoġġ kbir għall-familji, il-Prim Ministru qed jibqa’ jwebbes rasu. Dan meta hu stess irrikonoxxa li l-poplu Malti u Għawdxi għaddej minn sfidi kbar.
Quddiem dawn l-isfidi, kien il-PN li ħareġ b’diversi proposti; fosthom appoġġ lill-industrija sabiex tittaffa’ l-inflazzjoni fuq il-prodotti impurtati. Proposta li kapaċi ssir b’investiment dirett ta’ €40 miljun kull sena – xi ħaġa li l-Gvern qed jibqa’ jinjora.