Lokali Qorti

Sentenza sospiża għall-koppja li tilfet li binthom bi traskuraġni tagħhom

Koppja Niġerjana ġiet ikkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin mill-Maġistrat Leonard Caruana wara li nstabet ħatja li bi traskuraġni kkaġunat il-mewt ta’ binthom ta’ seba’ snin. Il-qorti qalet li mill-provi rriżulta li t-tifla kienet uriet sinjali ta’ anemija severa għal diversi ġimgħat qabel mietet u minkejja dawn is-sinjali, il-ġenituri ma tawhiex il-kura meħtieġa.

Sunday Aluko Olunuywa ta’ 54 sena u martu Rashida Aluko ta’ 48 sena, li kienu qed jgħixu fil-Kunvent tal-Bon Pastur f’Ħal Balzan, instabu ħatja li fil-21 ta’ Jannar 2018, u fis-snin ta’ qabel f’Dar San Ġużepp f’Ħaż-Żabbar, bi traskuraġni kkawżaw il-mewt ta’ binthom Victoria Aluko.

Mill-provi rriżulta li fil-21 ta’ Jannar 2018, fl-Għassa ta’ Ħaż-Żabbar daħlet telefonata minn Dar San Ġużepp fejn is-sorijiet qalulhom li l-missier ħabbat il-kunvent u beda jgħajjat u jixher li martu kienet mejta. Il-pulizija ċemplu għall-ambulanza li marret fuq il-post u meta daħlu l-paramediċi fid-dar sabu lil omm bilqiegħda bit-tifla fuqha.

It-tifla kienet diġa mejta bl-infermiera xorta waħda tipprova tagħmilha s-CPR biex forsi tirrispondi. Mill-ewwel ittieħdet l-Isptar Mater Dei fejn ġiet dikjarata mejta. Olunuywa ittieħed fiċ-ċentru tas-saħħa ta’ Raħal Ġdid għax beda jaġixxi b’mod isteriku .

Ħareġ li l-koppja kellha żewġt itfal oħra u Victoria kienet l-iżgħar fost l-aħwa. Il-familja Aluko kienet bdiet tgħix fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far u wara f’residenza mislufa lilhom mis-Sorijiet Dumnikani f’Dar San Ġuzepp f’Ħaż-Żabbar. Il-koppja kienet iżżomm lit-tfal ġewwa u minkejja diversi tentattivi mill-awtoritajiet governattivi. kienet tirrifjuta li tibgħathom l-iskola 

Fl-2017, il-Kummissjoni Emigranti mħassba dwar is-sitwazzjoni ċemplet għal tabib biex jeżaminaw lit-tfal wara li anke l-aworitajiet urew tħassib dwar is-saħħa mentali u fiżika tagħhom. Il-missier kien ġie eżaminat fl-Isptar Monte Carmeli u l-omm u t-tfal ittieħdu għal kura Mater Dei.

Mit-testijiet li sarulu l-missier instab li kellu dipressjoni imma mhux sintomi ta’ mard mentali. L-omm ma nstabx li kellha mard mentali iżda mhux tajba biex trabbi t-tfal fejn il-psikjatri qalu li jekk l-istat ried li t-tfal imorru l-iskola, kellhom jitteħdulhom.

L-omm u l-ulied kienu tħallew jgħixu Malta għax il-missier kellu status ta’ refuġjat. Minkejja kollox, skont l-uffiċjali li kienu jżuru l-familja, it-tfal kienu miżmuma tajjeb u nodfa u l-unika problema kienet li ma kinux qed jintbagħtu l-iskola. F’intervista minn esperti li saret mat-tfal ħareġ li kienu beżgħana jitkellmu u meta kienu jiġu mistoqsija kienu jħarsu lejn ommhom.

Ħareġ li l-uffiċjali tas-servizzi tal-ħarsien tat-tfal kienu qed jikkunsidraw li jieħdu lit-tfal mill-kustodja tal-ġenituri u fil-fatt il-ġenituri tilfu liż-żewġt itfal il-kbar. It-tifla mietet kawża ta’ anemija severa iża ma kellha l-ebda sinjal ta’ vjolenza jew moħqrija.

Il-Qorti qalet li minn dak li semgħet ħareġ li ċ-ċaqliqa minn Ħal Far affettwat lill-familja għax il-missier spiċċa ossessjonat dwar l-istatus ta’ martu u wliedu tant li kienu jżommuhom ġewwa. Qal li rriżulta li t-tifla kienet uriet sinjali ta’ anemija għal diversi ġimgħat qabel mietet u rrimarka li minkejja dawn is-sinjali, il-ġenituri ma tawhiex il-kura meħtieġa.

Il-Maġistrat Caruana qal fid-deċiżjoni tiegħu li minkejja li ma setax jgħid jekk it-tifla kinitx issalva li kieku ngħatat il-kura, sostna li t-traskuraġni tal-ġenituri wasslet għall-mewt tat-tifla u meta tqis li kienet żgħira ħafna biex tieħu ħsieb lilha nnifisha.

Tenna li għalkemm is-sistema falliet lit-tifla, fost oħrajn għax ftit jiem qabel mietet kien hemm strike tas-social workers, ir-responsabbiltà aħħarija għas-saħħa tat-tifla kienet tal-ġenituri Fid-dawl ta’ dan kollu l-Qorti ikkundannathom sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u li jħallsu is-somma ta’ €3,075 fi spejjeż tal-esperti mqabbda mill-Qorti. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mis-Supretendent Josric Mifsud.