Lokali Qorti

Seraq żewġ banjijiet u martell li wara tefagħhom fuq Facebook biex ibiegħhom

Raġel ta’ 37 sena minn Nadur li fuq Facebook irreklama oġġetti għal bejgħ ġie kkundannat sena ħabs sospiżi għal sentejn mill-Qorti tal-Maġistrati t’Għawdex wara li nstab ħati li dawn kien seraqhom minn Għawdex stess. Il-Maġistrat Simone Grech sabitu ħati li seraq żewġ banjijiet u martell.

Mark Lorry Said kien tressaq mill-Ispettur Josef Gauci akkużat li fis-26 ta’ Jannar 2020, u fil-ġranet jew ġimgħat ta’ qabel, minn art fl-Għasri seraq għodda ta’ kostruzzjoni u tyers li kellu għandu oġġetti misruqa u li kiser sentenza tal-Qorti mogħtija fl-2008. Dwar is-serq tal-għodda u tyres Said ma nstabx ħati.

Il-każ ġie rrapporta lill-Pulizija mis-sid wara li sab diversi oġġetti neqsin. Huwa induna li l-martell li nsteraqlu kien tpoġġa għall-bejgħ fuq sit elettroniku li fuqu jsir bejgħ ta’ oġġetti. Fix-xiehda tiegħu huwa qal li xi jiem wara s-serq l-akkużat avviċinah u qallu li ried jirranġa miegħu u kien lest jagħtih lura żewġ banjijiet kif fil-fatt għamel.

Fl-istqarrija li kien ta lill-Pulizija Said kien ammetta li mar ma’ raġel ieħor f’art fl-Għasri u ħadu martell u żewġ banjijiet u żied li l-banjijiet żammhom fil-bitħa ta’ missieru fin-Nadur u l-martell tah lil raġel biex ibigħu. Il-Maġistrat Grech filwaqt li sabet lil Said ħati tas-serq, qalet li ma tistax issib ħati lil Said fuq il-valur tal-oġġetti misruqa minħabba li din il-prova ma nġabitx fil-Qorti. Inħarġet ukoll ordni ta’ trażżin għal sentejn biex tipproteġi lill-vittma. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Josef Gauci.