Futbol Sport

Serie A: Empoli jżidu l-problemi lil Juventus

(Ritratt: EPA)

Empoli v Juventus 4-1

Rebħa sorprendenti għal kollox għal Empoli kontra Juventus bl-iskor ta’ 4-1 li tikkonferma matematikament is-salvazzjoni ta’ Empoli fil-kampjonat għal-istaġun li ġej. Fil-kamp l-ieħor Juventus tilfu tlett punti prezzjuzi fil-ġlieda għall-ewwel erbgħa, hekk kif wara l-kastig ta’ għaxar punti lil Juventus minħabba korruzjoni u taħwid fil-finanzi fejn jitħol il-bejgħ tal-plejers, Juventus issa jinsabu fis-7 post b’59 punt, punt taħt Roma li jinsabu fis-6 post.

Empoli fetħu l-iskor wara 18-il minuta permezz ta’ penalty mogħti minn Francesco Caputo minn foul kommess minn Milik.

Ftit minuti wara Empoli rduppjaw l-iskor meta Sebastiano Luperto sab ix-xibka wara li l-ewwel konkużjoni ta’ Caputo ġiet salvata tajjeb minn Szczesny, madankollu l-ballun waqa’ f’saqajn Luperto li ma żbaljax minn quddiem il-lasta u xeħet ġewwa.

Empoli komplew ikabbru d-distakk ftit minuti wara l-bidu tat-tieni taqsima meta Francesco Caputo kised id-doppjetta personali tiegħu minn pass ta’ Akpa-Akpro.

Juventus skurjaw gowl fil-85 minuta permezz tas-sostitut Federico Chiesa minn kross ta’ Rabiot. Il-gowl ta’ Chiesa kien biss ta’ konsolazzjno għal Bianconeri hekk kif kien tard wisq għal Juventus sabiex iwettqu rimonta.

Ftit minuti qabel l-aħħar suffara Roberto Piccolo ssiġilla r-rebħa meta sab ix-xibka minn żball banali tas-sostitu Moise Kean.

Roma miżmuma minn Salernitana

Roma v Salernitana 2-2

Fi Stadio Olimpico Salernitana kisbu punt kruċjali fil-ġlieda tagħhom kontra r-relagazzjoni kontra Roma f’parità ta’ 2-2.

Salernitana ħasdu lill-avversarji tagħhom meta fetħu l-iskor wara 12-il minuta permezz ta’ gowl mill-isbaħ mill-veteran Andrea Candreva meta għeleb lil Patricio b’konklużjoni stupenda.

Roma kważi għamlu l-iskor indaqs ftit mumenti qabel tmiem l-ewwel taqsima permezz ta’ gowl mid-difensur Brażiljan Ibanez, madankollu wara konsultazzjoni tal-VAR mir-referee Andrea Colombo l-gowl tħassar hekk kif deher imiss ma jdejn Belotti qabel il-pass finali lejn Ibanez.

B’hekk l-ewwel taqsima ntemmet 1-0 għal Salernitana, bit-tim mill-kapitali ikun bla dubju l-aqwa tim fil-konfront.

Roma kisbu d-draw ftit minuti wara l-bidu tat-tieni taqsima permezz ta’ Stephan El Shaarawy minn pass tal-midfielder avvanzat Pellegrini.

Għat-tieni darba fil-partita Salernitana marru fil-vantaġġ fil-54 minuta permezz ta’ Boulaye Dia li sab ix-xibka minn suġġeriment ta’ Piatek.

Fit-83 minuta l-midfielder esperjenzat Nemanja Matic għamel l-iskor 2-2 meta għeleb lil Ochoa wara konfużjoni fil-kaxxa li wasal minn korner perikoluż.

Riżultati kollha:

Il-Ġimgħa: Sassuolo v Monza 1-2
Is-Sibt: Cremonese v Bologna 1-5, Atalanta v H.Verona 3-1, Milan v Sampdoria 5-1
Ilbieraħ: Lecce v Spezia 0-0, Torino v Fiorentina 1-1, Napoli v Inter 3-1, Udinese v Lazio 1-0
Illum: Roma v Salernitana 2-2. Empoli v Juventus 4-1.