Lokali Qorti

Sprayer mixli li misapproprja meta biegħ karozza ta’ klijent

automobile repairman painter hand in protective glove with airbrush pulverizer painting car body in paint chamber

Sprayer tal-karozzi li allegatament biegħ vettura ta’ klijent lil terza persuna għal €230 minflok sewwiha ċaħad akkużi ta’ frodi, misapproprjazzjoni u reċidiva. Charles Abela ta’ 42 sena mill-Mellieħa wieġeb mhux ħati tal-akkużi waqt li tressaq quddiem il-maġistrat Rachel Montebello.

Qabel l-arrest tiegħu, Abela kien deher f’filmat fuq Facebook ippubblikat mill-vittma, li wkoll irrapporta l-inċident lill-pulizija. L-Ispettur Ian Vella, li qed imexxi l-prosekuzzjoni, spjega li f’Marzu, il-vittma kien irrapporta li ħa l-karozza tiegħu lill-imputat biex hu jsewwiha, iżda qatt ma rritornaha.

Imbagħad is-Sibt li għadda, l-għassa tal-Qawra rċeviet rapport mingħand raġel li qal li kien xtara l-karozza tal-vittma mingħand l-imputat. L-avukat difensur Josette Sultana qalet lill-Qorti li l-imputat kien mar l-għassa huwa stess, wara li ra l-filmat.

Sultana talbet il-libertà proviżorja għall-imputat. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba peress li dan Abela kellu mill-inqas tliet kundanni preċedenti fuq frodi. “Ma jistax jitħalla jkompli jqarraq bin-nies li jmorru għandu għall-għajnuna.” L-avukat difensur sostniet li l-karozza kienet ingħatat lura, u qalet li l-inċident kien minfuħ sproporzjonat fuq Facebook, iżda l-Ispettur ikkonferma li, filwaqt li l-karozza kienet tabilħaqq spiċċat lura fil-pussess ta’ sidha, ma kinitx ġiet irritornata volontarjament.

Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest lill-imputat, kontra depożitu ta’ €2,500 u garanzija personali ta’ €3,000, u ordnatlu wkoll jiffirma l-Għassa darbtejn fil-ġimgħa u ma jikkomunikax mal-vittmi waqt li jkun fuq din il-garanzija.