Lokali

Anzjan iweġġa’ gravi wara li karozza baqgħet dieħla f’parapett ta’ dar

Anzjan ta’ 74 sena weġġa’ gravi wara li karozza baqgħet dieħla f’parapett ta’ dar fis-Siġġiewi.

L-inċident seħħ it-Tnejn waranofsinhar għall-ħabta tal-5:15 fi Triq Blat il-Qamar, is-Siġġiewi.

Il-Pulizija marret minnufih fil-post u mill-ewwel stħarriġ li sar irriżulta li raġel ta’ 23 sena li joqgħod Ħaż-Żabbar, kien qiegħed isuq Toyota Starlet, tilef il-kontroll u baqa’ dieħel f’parapett ta’ dar. Miegħu fil-vettura kien hemm ukoll anzjan ta’ 74 sena residenti Ħaż-Żebbug.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku sabiex jassisti u ambulanza ħadet il-passiġġier l-Isptar Mater Dei għall-kura medika, fejn ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi ta’ natura gravi.

Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.