Lokali

Cyrus Engerer jaqbel mal-PN biex jattakka lill-kandidat tal-PL Steve Ellul

L-Ewro Parlamentari Laburista Cyrus Engerer permezz ta’ messaġġ fuq il-midja soċjali, ikkonforma lilu nnifsu mal-linja politika tal-Partit Nazzjonalista fir-rigward tal-ftit spazji pubbliċi li għadhom jeżistu fil-gżejjer Maltin u saħaq hu wkoll li dawn għandhom jibqgħu jitgawdew mill-poplu Malti u Għawdxi.

Din hi l-linja politika konsistenti u ċara li issa ilu qatigħ isostni fuqha l-Partit Nazzjonalista fis-sens li l-ftit artijiet pubbliċi li hawn madwarna m’għandhom qatt jingħataw għal xi tip ta’ żvilupp bir-riżultat li l-Maltin u l-Għawdxin ikomplu jkunu mċaħħda milli jgawdu dawn l-ispazji liberi.

Din hi kwistjoni li tqum minn żmien għal żmien hekk kif il-Gvern ta’ Robert Abela jidentifika xi art mhux żviluppata li jpoġġiha għall-bejgħ jew inkella jagħtiha bix-xejn lil xi ħadd tal-qalba, biex l-istess spazju pubbliku jkun spekulat u jinbena.

Din hi kwistjoni attwali fil-Mellieħa u anki f’lokalitajiet oħra. Il-Partit Nazzjonalista ilu jitkellem b’ton ċar dwar il-kwistjoni tal-Mellieħa u appella ripetutament lill-Gvern ta’ Robert Abela biex jibqa’ jkisser l-ambjent ta’ madwarna u jċaħħad lill-poplu minn dawn il-ftit spazji li fadlilna għaliex ma jagħmilx sens li pajjiżna jkompli jiżviluppa sakemm isir blokka waħda ta’ konkrit.

Din il-kwistjoni reċentement kienet trattata wkoll mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech li enfasizza li l-ambjent attwali f’pajjiżna hu l-konferma u t-turija ta’ kemm Robert Abela hu politiku falz. Dan b’riferenza diretta għall-medda art pubblika fil-Mellieħa li Robert Abela jrid li tingħata għall-iżvilupp.

Wieħed ma jridx jinsa li dwar din l-art inpartikulari fil-Mellieħa fil-ġimgħat li għaddew inġabru mijiet ta’ firem minn persuni li ffirmaw petizzjoni parlamentari biex jitolbu lill-Gvern ta’ Robert Abela biex ma jbigħx art tiegħu fil-Mellieħa biex din tiġi żviluppata. L-art tinsab f’zona magħrufa bħala l-Qortin u hi kbira kważi 4,000 metru kwadru.

Dwar l-intenzjonijiet tal-Gvern ta’ Robert Abela li jbigħ dan l-ispazju liberu, dawk li ffirmaw il-petizzjoni parlamentari wrew it-tħassib tagħhom dwar din is-sejħa għall-offerti biex din iz-zona tkun żviluppata u saħqu li: “Il-Mellieħa diġà saret żviluppata ħafna b’nuqqas ta’ spazji ħodor miftuħa fiz-zoni ta’ żvilupp,” tgħid il-petizzjoni.

“L-ammont eċċessiv ta’ residenzi jindika li hemm bżonn ta’ aktar spazji miftuħa u mhux aktar residenzi. Kemm-il darba din l-art tinbiegħ għal aktar żvilupp, allura se jiżdied il-piż fuq l-infrastruttura tal-lokalità u tkompli tmur lura l-kwalità tal-ħajja tar-residenti.”

Fid-dawl ta’ dan ix-xenarju kollu, issa hu l-Ewroparlamentari Laburista Cyrus Engerer li ħareġ jikkritika lill-Gvern ta’ Robert Abela u qal li: “Nemmen li l-ebda art pubblika li sal-lum għadha ħadra u naturali ma għandha tinbena u għall-ebda skop… anzi art ta’ dan it-tip għandha titħalla kemm jista’ jkun naturali u jingħata aċċess għaliha lill-familji.”

Cyrus Engerer kompla li: “F’dan il-pajjiż neqsin minn art naturali li għandha t-titlu tagħha l-Gvern, ċioè l-Maltin u Għawdxin, minkejja li meta tħares lejn Malta minn fuq ajruplan tara li l-maġġoranza tal-pajjiż għadu fi stat naturali, iżda fejn fil-maġġoranza bħala ċittadini ma għandniex aċċess għaliha.

“X’sens jagħmel li art pubblika naturali eżistenti tingħata għall-bini flok tinfetaħ għall-familji f’park naturali?” Cyrus Engerer enfasizza li: “Għamilna l-għażla t-tajba f’Marsaskala u Bormla, issa nemmen li rridu nagħmlu l-istess fil-Mellieħa.”

Naturalment din il-pożizzjoni diretta ta’ Cyrus Engerer hi f’konfront mal-pożizzjoni tal-kandidat prospettiv Laburista Steve Ellul li filwaqt li Robert Abela aġevolah u poġġieh fit-tmun tal-Aġenzija Project Green suppost bl-iskop li tħares u tippromwovi l-ambjent, baqa’ litteralment sieket dwar din il-kwistjoni tant delikata u importanti li tolqot lin-nies direttament fil-laħam il-ħaj.

L-Ewroparlamentari Cyrus Engerer jaf tajjeb li ta’ Kastilja l-kandidat favorit tagħhom għall-elezzjoni tal-MEPs skedata għal Ġunju tas-sena d-dieħla hu proprju Steve Ellul li saħansitra ngħata xejn inqas minn €700 miljun fuq medda ta’ ħames snin biex bihom jidher qed jaħdem aktar mill-kandidati l-oħrajn u indirettament ikun jista’ jagħmel b’suċċess ‘il-kampanja elettorali tiegħu’.

Il-kandidati Laburisti l-oħra – fuq quddiem nett Cyrus Engerer – qed jiddeskrivu l-imbottatura ta’ Kastilja fil-konfront ta’ Steve Ellul bħala daqqa diretta lilhom fl-isforzi li qed jagħmlu biex jiksbu suċċess f’din l-elezzjoni.

Lil hinn minn Cyrus Engerer anki l-kandidati l-oħrajn tal-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-MEPs huma rrabjati għal ta’ Kastilja u miġbuda fil-konfront ta’ Steve Ellul… inkluż il-kandidat Laburista ġdid Clint Flores li jaf li għaliex hu assoċjat mal-grupp ta’ Joseph Muscat, allura qed isib kollox għat-telgħa.

Tajjeb li jingħad ukoll li proprju kif irrappurtajna nhar il-Ħadd li għadda f’Il-Mument, din il-kwistjoni tal-ispazji liberi mgħoddija għal skop ta’ żvilupp mill-Gvern ta’ Robert Abela hi kwistjoni wkoll għar-residenti f’Taċ-Ċawla fir-Rabat, Għawdex, li huma urtati ħafna għal Robert Abela li flok l-unika fetħa libera li għandhom bejn diversi blokok ta’ appartamenti, irid jeqred dan il-ftit spazju liberu biex jibni blokka bini oħra!