“Jeżistu mumenti fil-ħajja tagħna, fejn il-kliem jitlef il-valur tiegħu. Fejn l-ebda kelma u l-ebda ġest ma jista’ jikkonkretizza dak li tassew tkun qed tħoss fil-ġewwieni ta’ qalbek. Dan hu dak li aħna u l-komunità kollha ta’ San Pawl il-Baħar, qed nħossu bħalissa.”
Messaġġ emozzjonanti ferm li nkiteb mill-Kumitat tal-Festa Marija Sultana tal-Marti ta’ San Pawl il-Baħar meta t-Tlieta filgħaxija saret velja ta’ talb proprju fil-post li ħasad il-ħajja ta’ Kacey Sciberras.
“Il-Ħadd li għadda, tlifna parti integrali minna. Il-parti ferriħija u entużjasta li kienet tixgħel u ddawwal kull fejn tmur bil-karattru speċjali tagħha; u huwa propju għalhekk li llum qegħdin hawn miġbura, mhux biss biex infakkru l-memorja ta’ Kacey; imma biex l-ispirtu tagħha u dak kollhu li kienet temmen fih, nibqgħu nġorruh magħhna f’dak kollhu li naħsbu u nagħmlu.”
Huma qal li pjanaw fuq li pjanaw. Iddiskutew, ħadmu u stinkaw flimkien f’għaqda sħiħa u għal għan waħdieni, is- Sultana tal-Martri, il-Ġawhra ta’ qalbhom li tant kienet tħobb Kacey b’għożża kbira minn ċkunita.
“Iċċelebrajna u fraħna flimkien filwaqt li għaddejna minn mumenti ibsin u ta tensjoni wkoll, madankollu l-ħeġġa, id- dedikazzjoni u l-enerġija pożittiva tagħha qatt ma qatgħet. Pjanajna ħafna, però minkejja dak kollu li pjanajna u organizzajna b’reqqa matul is-snin, u anke dis-sena, imma dan il-mument ikrah żgur li ma ridna nippjanawh qatt.”
“Kacey ma kinitx membru biss, kienet oħtna ż-żgħira. Kienet dik li mmorru għandha mal-ewwel biex nimmodernizaw jew nagħmlu aktar addatata għan-nies ta llum xi idea li tkum qed tberren f’moħħna. Kacey kienet wkoll ħabiba sinċiera, li magħha stajt tiftaħ qalbek bl-aħjar mod possibbli. Ma kontx titlaq minn ħdejha qabel ma jkollok tbissima minn widna sa widna u jekk ma tikkonvinċikx, kienet tibqa’ tipprova sal-aħħar.”
Saħqu li Kacey kienet parti minna. Kacey ferħet magħna, iċċelebrat magħna u bkiet magħna. Sa minn età zgħira, dejjem kienet involuta fil-festa. Taqbez, iċċapċap u tifraħ mal-marċi. Kellha mħabba kbira lejn il-patruna tagħna u m’għandna l-ebda dubju li l-patruna tagħna qeda tħaddan b’għożża liema bħalha lil din il-ġawhra tagħna!
Saħqu li f’dan iż-żmien diffiċli, jiftajru fil-familja ta’ Kacey…. Jason, Doris, Kyle u l-qraba kollha tagħha, li għalihom kienet il-mimmi t’għajnejhom. “Inwiegħdukhom għeżież tagħna, lil Kacey se tibqa’ tbaqbaq fil-qalb tagħna.”
“Grazzi Kac,
Grazzi tal-memorji sbieħ li lilna ħallejtilna
Żgur mhux forsi, li qalbna mlejtilna
Ħarisna minn hemm fuq u ħidmietna berkilna
Sakemm nerġgħu niltaqgħu u qalbna terġa’ tferħillna.”