Lokali

Il-ġurnal ‘In-Nazzjon’ jikxef il-gidba ta’ Robert Abela lill-Awditur Ġenerali

Il-ġurnal In-Nazzjon illum qed jiżvela kif il-Gvern ta’ Robert Abela ma qalx il-verità lill-Awditur Ġenerali meta dwar il-ftehim ma’ Steward Healthcare tenna li ried iwaqqaf dan il-ftehim. Il-verità hi li kien Uffiċjal Għoli fiċ-Ċivil li rrifjuta milli jiffirma dan il-ftehim għaliex xamm li l-istess ftehim kien difettuż, diżonest u mimli irregolaritajiet.

Kuntrarju għall-fatti kif seħħew fejn Robert Abela u Chris Fearne qed jgħidu li huma riedu jwaqqfu l-ftehim ma’ Steward Healthcare, il-fatti huma kompletament differenti. Fil-verità Robert Abela u Chris Fearne riedu li l-ftehim f’isem il-Gvern Malti jkun iffirmat minn Uffiċjal Għoli fiċ-Ċivil għan-nom tal-Gvern.

Għalhekk Robert Abela u Chris Fearne daru għal fuq Segretarju Permanenti partikulari u għaddewlu l-ftehim biex jiffirmah hu dakinhar stess jew l-għada. Iżda dan is-Segretarju Permanenti oġġezzjona milli jagħmel dan.

Nifhmu li l-istess Segretarju Permanenti saħansitra tkellem ma’ kollegi oħrajn tiegħu fiċ-Ċivil – u li lejhom għandu kull rispett għaliex huma uffiċjali serji u ta’ eżempju tajjeb – li anki qablu miegħu li tali ftehim kien jixgħel diversi bozoz ħomor u għalhekk ma kellux jiffirmah.

Anki għaliex kollox kien jindika li dan il-kuntratt kien lest minn kollox u kollox kien diġà miftiehem wara numru ta’ laqgħat u allura kien jenħtieġlu biss li jkun iffirmat… naturalment kollox pilotat minn Chris Fearne bil-barka ta’ Robert Abela.

Tajjeb li dan il-ġurnal ifakkar li meta l-Gvern Laburista kien iffirma l-ewwel ftehim ma’ Vitals Global Healthcare, dak iż-żmien il-Ministru Konrad Mizzi, ma kien mar fuq l-ebda Uffiċjal Għoli fiċ-Ċivil biex jiffirma hu l-ftehim għan-naħa tal-Gvern.

Dakinhar kien l-istess Konrad Mizzi li qabad u ffirma l-kuntratt direttament hu. Iżda fuq id-dokumenti ma kien iddejjaq xejn li jpoġġi l-firma tiegħu… anki jekk kien jaf li dak l-ewwel ftehim ma’ Vitals Global Healthcare ma kien xejn għajr serqa kbira lill-poplu Malti u Għawdxi li kienu qed jitteħdulhom l-Isptar San Luqa, l-Isptar Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Mela l-argumenti ta’ Uffiċjali Għolja fiċ-Ċivil fl-isfond ta’ dan ix-xenarju kollu kien wieħed sempliċi iżda li jagħmel ħafna sens… għaliex issa fit-tieni ftehim il-politiċi – ċioè Robert Abela u Chris Fearne – riedu li jkun xi ħadd miċ-Ċivil biex jiffirma d-dokumenti f’isem il-Gvern?

Ma setgħux Robert Abela u Chris Feare jagħmlu dak li sar fl-ewwel ftehim… jiġifieri li jkunu huma bħala l-politiċi li jiffirmawh? X’żammhom milli jiffirmawh huma? Għaliex iddejqu daqstant milli jiffirmawh huma u daru fuq xi ħadd fiċ-Ċivil? Għaliex ma ridux li fuq il-ftehim ikun hemm il-firma tagħhom u nġibdu lura daqstant?

Naturalment it-tweġiba għal dan kollu hi faċli… Robert Abela u Chris Fearne ma ridux li jiffirmaw direttament huma dan il-ftehim għas-sempliċi raġuni li kienu jafu li dan hu kuntratt korrott, b’ħafna difetti u malprattiċi fih li fl-aħħar mill-aħħar kien se jservi biss biex il-poplu Malti u Għawdxi jkompli jinsteraq waħda kbira ħafna filwaqt li permezz ta’ mijiet ta’ miljuni ta’ ewro, ċirku ta’ nies kienu se jistagħnew fuq li jistagħnew.

Dan kollu jfisser li Robert Abela ma qalx il-verità – GIDEB – meta lill-Awditur Ġenerali qallu li hu ried li dan il-ftehim jitwaqqaf. Mhu minnu assolutament xejn dan id-diskors ta’ Robert Abela. Il-ftehim ma kienx iffirmat għaliex persuni fiċ-Ċivil qalu LE għal dak li riduhom jagħmlu. U pajjiżna għandu jkun kburi li fiċ-Ċivil fadal nies ta’ dan il-kalibru… ċioè li huma korretti, retti, serji u denji tar-responsabbiltajiet li qed iġorru.

Kellu kull raġun il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech nhar il-Ħadd jiżvela l-ewwel dettalji minn din l-aħbar u qal li persuni għolja fiċ-Ċivil ma kinux aċċettaw li jiffirmaw kuntratt ġdid ma’ Steward Healthcare f’Ġunju tal-2021 hekk kif dakinhar ried Robert Abela.

L-istess Gvern Laburista li sa issa ta madwar €450 miljun lil Vitals Global Healtchare u Steward Healthcare meta dawn mhux biss naqsu milli jonoraw kull ftehim li għamlu mal-Gvern Malti, iżda saħansitra ma għamlu l-ebda investiment kif kien mistenni minnhom fil-qasam tas-saħħa. Xhieda ta’ dan hi l-binja tal-Isptar San Luqa li

llum hi fi stat delapitat, mitluqa u ferm ’il bogħod milli tkun sptar state of the art b’xi 400 sodda fiha kif Robert Abela u Chris Fearne kienu wiegħdu lill-poplu Malti u Għawdxi.

Nhar il-Ħadd li għadda l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech tkellem dwar dettalji importanti li joħorġu mir-Rapport tal-Awditur Ġenerali pubblikat fil-bidu tal-ġimgħa l-oħra. Fost l-oħrajn l-Awditur Ġenerali qal li l-ftehim rinegozjat ma’ Steward Healthcare kien waqaf għax kien hemm il-parir tal-Avukat tal-Istat li qal lill-Gvern li dak li kienu se jagħmlu kien illegali.

Bernard Grech kompla li kuntrarju għal dak li pprova jgħid Robert Abela, dan il-ftehim ma kienx iffirmat biss għaliex kien hemm Uffiċjal Għoli fiċ-Ċivil li litteralment irrifjuta milli jkun hu li f’isem il-Gvern Malti jiffirma hu dan il-ftehim skandaluż u li ma kienx fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi… dejjem kontra dak li riduh jagħmel kemm Robert Abela u anki Chris Fearne.

Dan kollu jfisser li kemm Robert Abela u anki Chris Fearne kellhom kull intenzjoni u xewqa li dak it-tieni kuntratt ikun iffirmat… iżda mhux minnhom biex fuq dan il-kuntratt skandaluż u korrott ma jkollhomx il-firma tagħhom. Riedu biss jinqdew b’xi Uffiċjal Għoli fiċ-Ċivil – fi ftit kliem riedu jilagħbuh – biex finalment jiffirma hu dan il-kuntratt korrott u finalment ukoll jispiċċa hu l-ħaruf tas-sagrifiċċju ta’ din il-politika maħmuġa ta’ Robert Abela u Chris Fearne.

Robert Abela u Chris Fearne li llum qed jagħmlu minn kollox biex jippruvaw jiddistakkaw lilhom infushom minn dan il-ftehim korrott inizjalat fi żmien Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri tant li fi żmienhom lil Vitals Global Healthcare u lil Steward Healthcare kienu għaddewlhom xejn inqas minn €128,601,789.

Robert Abela u Chris Fearne tant huma direttament kompliċi f’din il-pudina maħmuġa u korrotta li sena wara sena komplew jivvutawlhom il-miljuni sal-punt li s’issa taħt Robert Abela u Chris Fearne għaddewlhom xejn inqas minn €280,361,027!

Dan ifisser li mhux biss Robert Abela u Chris Fearne ppumpjaw flejjes ferm aktar milli kienu diġà għaddewlhom Joseph Muscat u Konrad Mizzi, iżda sal-lum it-total ta’ dawn il-flus misruqa minn ħalq il-poplu Malti u Għawdxi jammontaw għal €408,962,816!