Lokali Qorti

Il-Maġistrat Gabriella Vella tirrifjuta li tirrikuża ruħha mill-inkjesta fuq l-isptarijiet – Attakk ieħor fuq il-ġudikatura minn Joseph Muscat

Il-Maġistrat Gabriella Vella ċaħdet ir-rikors li ppreżenta Joseph Muscat li kien talabha tirrikuża ruħha mill-Inkjesta dwar l-isptarijiet. F’post fuq Facebook l-eks Prim Ministru qal; “għadni kif ġejt informat li l-Maġistrat Gabriella Vella, mingħajr ma semgħet dak li għandi xi ngħid dwar ir-rikors tat-18 ta’ Mejju, ċaħdet it-talba li tirrikuża ruħha”.

Konferma li mhux biss li dan kien attakk ieħor fuq il-ġudikatura iżda r-reazzjoni tiegħu qed tkompli turi minn dak li tista’ tiddeċiedi l-Maġistrat u allura qed jitfa’ d-dubji. Dan l-attakk ikompli wara attakk sistematiku ta’ Robert Abela fuq il-ġudikatura fix-xhur li għaddew. Attakk ieħor kien dak tal-Ministru tal-ġustizzja fil-parlament jhedded “li tridu tgħadd minn fuqna biex imur il-ħabs.”

Fir-rikors, Joseph Muscat ilmenta minn “ħruġ ta’ informazzjoni b’mod kontinwu mill-inkjesta,” li minkejja talbiet kontinwi tiegħu għażlet li ma tismax ix-xhieda tiegħu, u għax akkuża li missierha u ħuha esprimew ruħhom b’mod ċar fuq din l-inkjesta u min talabha.

Joseph Muscat qal li se jkun qed jieħu l-passi kollha biex jipprova jassigura li dan il-proċess, li l-fiduċja fih kważi spiċċatlu għal kollox, ma jispiċċax teatru politiku u jkun proċess skont is-saltna tad-dritt. Kien nhar il-Ħamis li għadda li Joseph Muscat dalgħodu preżenta rikors fil-Qorti fejn talab lill-Maġistrat Gabriella Vella tirrikuża ruħha mill-Inkjesta dwar l-isptarijiet sabiex din tgħaddi f’idejn ġudikant ieħor.

Muscat ħabbar illi għamel din it-talba, skont hu, sabiex veru “issir ġustizzja”. Dan ikompli jikkonferma li hu qed juża l-istess tattika ta’ Robert Abela illi issa ilu xhur sħaħ jattakka u jitfa’ dubji fuq il-ġudikatura. Muscat minn naħa tiegħu kien stqarr illi kien ilu jirreżisti dan il-pass “għax ridt nagħti l-benefiċċju tad-dubju, iżda l-mossi sfaċċati ta’ dawn l-aħħar jiem tellfuli kull fiduċja li seta’ kelli f’dan il-proċess.” L-eks Mexxej Laburista stqarr li anke jekk ikun waħdu, se jibqa’ jiġġieled.

Il-Maġistrat Vella qed tmexxi l-inkjesta dwar il-konċessjoni li rat tliet sptarijiet mibjugħa l-ewwel lil Vitals Global Healthcare u mbagħad lil Steward Health Care. Qorti fi Frar iddeċidiet li l-ftehim kien “frawdolenti” u ordnat ir-ritorn tal-isptarijiet lill-gvern, grazzi għall-Partit Nazzjonalista li iġġieled fil-Qorti biex l-isptarijiet jerġgħu jirritornaw għand il-poplu.