Ekonomija Lokali

Il-PN jipproponi tax rebate għall-impjegati kollha biex jikkumbattu l-għoli tal-ħajja

Il-Partit Nazzjonalista, permezz ta’ stqarrija, insista li jingħata rebate tat-taxxa fuq il-COLA għall-ammont żejjed imħallas din is-sena.

Dan intqal mill-kelliema tal-PN Ivan Castillo, Jerome Caruana Cilia u Albert Buttigieg.

Kif tħabbar fil-Budget, din is-sena l-COLA li trid tingħata minn min iħaddem hu ta’ €9.90 kull ġimgħa. Minn dak l-ammont, l-impjegati jridu jħallsu l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u t-taxxa fuq id-dħul.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li ċ-ċittadini għandu jkollhom aktar disposable income u għalhekk aktar flus fil-but, partikolarment f’dawn iż-żminijiet diffiċli. Dan meta qed jara li l-ħaddiema m’humiex ikkompensati b’mod totali għall-għoli tal-ħajja.

Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jtenni li f’dawn iċ-ċirkustanzi ta’ rata għolja ħafna ta’ għoli tal-ħajja, dawk li jaqilgħu dħul baxx iħossu aktar id-daqqa tal-ħajja dejjem togħla, b’mod aktar qawwi u negattiv, b’tali mod li qed taffettwa l-kwalità tal-ħajja tagħhom.

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ impenjat biex itaffi l-għoli tal-ħajja billi jagħmel fond biex jgħin lill-importaturi biex jinġiebu l-prodotti u jagħti għajnuna lil bdiewa r-raħħala rigward il-prodotti elementari.

Min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista jitlob lill-Gvern Laburista biex iwaqqaf lil dawk il-mijiet tal-qalba biex jieqfu jitħanżru u dawn il-flus jingħataw lil dawk il-familji u l-persuni li verament huma vulnerabbli.