Lokali Saħħa

“Il-Prim Ministru qed jinqabad f’gidba waħda wara l-oħra” – Bernard Grech

“Il-Prim Ministru Robert Abela qed jinqabad b’gidba wara l-oħra dan hekk kif huwa Prim Ministru kompromess”.

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt intervista li saritlu fuq Net FM meta kien qed jitkellem dwar l-aħħar żviluppi relatati mad-deal tat-tliet sptarijiet. Huwa qal li f’dan ir-rapport ħareġ biċ-ċar kemm Robert Abela naqas, fejn naqsu wkoll dawk ta’ qablu u dawk ta’ madwaru.

Bernard Grech qal li d-denunzja li l-Partit Nazzjonalista preżenta lill-kummissarju tal-pulizija ilha iktar min ġimgħatejn u s’issa l-kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa għadu ma għamel xejn,

Il-Kap tal-PN qal li l-Awditur Ġenerali fir-rapport tiegħu wasal għall-konklużjoni li Abela reġa’ prova jifthiehem ma’ Steward, u waqaf għax kienu l-ħaddiema taċ-ċivili li fetħulhom għajnejhom. Qal li minkejja l-pressjoni li saret fuq membri għolja taċ-ċivil biex jiffirmaw il-kuntratt huma baqgħu jippersistu li mhux se jiffirmaw dan id-deal għax kienu jafu li hemm xi ħaġa ħażina fih.

Bernard Grech qal li issa ħareġ b’mod ċar kif Robert Abela u l-Ministru Chris Fearne riedu jitfgħu l-piż kollu fuq il-ħaddiema taċ-ċivil. Huwa appella lil dawn il-ħaddiema taċ-ċivil biex ma jħallux lill-Gvern jużaham biex għada pitgħada jwaħħlu fihom.