Lokali Qorti

Il-Qorti ikkonfermat sentenza ta’ tliet snin ħabs wara li xufier fis-sakra qatel Olandiż

Fil-Qorti tal-appell ġiet ikkonfermata sentenza ta’ tliet snin ħabs mogħtija lil xufier li kien fis-sakra li tela’ fuq bankina waqt li kien qed isuq b’veloċità ta’ 100km fis0-siegħa u qatel persuna li kienet qed taqsam it-triq. Michael Caruana Turner, li llum għandu 24 sena, kien ikkundannat tliet snin ħabs u pprojbit milli jsuq għal sentejn oħra mill-Qorti tal-Maġistrat fl-2021, wara li nstab ħati li kkawża l-mewt taż-żagħżugħ Olandiż Tim Scholten (ritratt) u li weġġa’ sebgħa persuni oħra fi Triq Gorg Borg Olivier, San Ġiljan, ftit qabel il-5am tas-6 ta’ Lulju, 2018.

Scholten kien miet jumejn wara minħabba l-ġrieħi li sofra. Fil-Qorti kiet intqal li Caruana Turner, fitness coach minn Birkirkara, kien ħarab minn fuq il-post u nqabad mill-pulizija waqt li kienet fi triqtu lejn San Ġwann. Kien sarlu t-test tal-breathalyser u nstab li kien qed jikser il-limitu legali tal-alkoħol għas-sewwieqa.

Il-Qorti tal-Maġistrati kienet semgħet kif Caruana Turner kien ilu jixrob f’Paceville qabel l-inċident fatali, u saq l-karozza tiegħu wara li kkonsma flixkun birra u sitt shots ta’ tequila. Kien ħareġ li s-Subaru Impreza ta’ Caruana Turner kien qed isuq b’veloċità ta’ madwar 100kph meta laqat ġenb tat-triq, u tela’ fuq il-bankina, fejn il-karozza ħalliet traċċi ta’ distruzzjoni twila 103 metru.

Qabel waqfet, il-vettura kienet qerdet ħafna minn dak li kien hemm fit-triq fosthom siġar u arbli u laqtet numru ta’ persuni li kienu mexjin fuq il-bankina fi triqthom lejn id-dar. L-avukat ta’ Caruana Turner kien qara stqarrija fil-Qorti, fejn esprima r-rimors tax-xufier.

“Imdejjaq bija nnifsi għax miet minħabba fija. Ma nistax naħfer lili nnifsi. Jiddispjaċini għal kull min hu involut,” huwa kien qal. Fuq is-sentenza ta’ ħabs kien ġie ppreżentat appell, li fih l-avukati ta’ Caruana Turner argumentaw li l-qorti ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni s-sejbiet tas-social enquiry report.

Il-Qorti kienet injorat ukoll ir-rakkomandazzjonijiet li għamel l-uffiċjal prosekutur u l-fatt li kellu record kriminali nadif, qalu l-avukati, li żiedu li la l-fatt li kien ħallas għad-danni u li wera rimors għal dak li ġara ma ġie kkunsidrat. L-Imħallef Neville Camilleri li kien qed jippresiedi l-appell, ċaħad dawn l-argumenti, filwaqt li rrimarka li r-rapport tal-inkjesta u l-kondotta nadifa ta’ Caruana Turner, fil-fatt, kienu ġew ikkunsidrati mill-ewwel qorti.

Is-soluzzjoni tad-danni kkawżati ma tantx kienet ta’ konsegwenza meta titqies mill-perspettiva li kkawża l-mewt taż-żagħżugħ. “Din il-qorti tqis xieraq li tindika li l-ebda ammont ta’ danni mhu se jerġa’ jagħti l-ħajja lil Tim Scholten. Dik hi l-vera traġedja ta’ dan il-każ,” osserva l-imħallef.

U filwaqt li l-qorti kienet ħadet nota tal-fatt li d-difiża u l-prosekuzzjoni qablu li jitolbu sentenza ta’ ħabs sospiża, enfasizzat il-fatt li tali ftehim ma jorbtux lill-qorti li tiddeċiedi b’dan il-mod. Dan billi ma sabet l-ebda raġuni biex tfixkel il-piena mogħtija lil Caruana Turner, il-Qorti kkonfermat is-sentenza.