GSSE Malta 2023 Sport

‘Inħeġġeġ lill-pubbliku Malti biex jappoġġja lill-atleti Maltin’ – Bradley Mifsud (Discus Throw)

Meta tiltaqa’ mal-atleta Bradley Mifsud, jolqtok mill-ewwel l-aspett fiżiku tiegħu. Bradley hu wieħed mid-diversi atleti ta’ Pembroke Athleta li ser jiffurmaw parti mit-tim Malti tal-Atletika tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, jiddikjara bla tlaqlieq li biex wieħed jikkompeti mal-aħjar atleti bilfors li jridu jsiru s-sagrifiċji. Jispjega li m’hemmx ‘short cuts’.

Trid taħdem fuq l-aspett tekniku, fiżiku u anke dak psikoloġiku. Pembroke Athleta joffrilna bosta opportunitajiet biex niltaqgħu u nikkompetu ma’ atleti barranin ta’ livell

Bradley hu atleta fid-Discus Throw. Dan hu tip ta’ sports li ma nistgħux ngħidu li hu popolari ħafna f’Malta. X’kien li wassal lil Bradley, jibda jipprattika u jitħarreġ fid-Discus Throw?

Għal din id-domanda, Bradley jgħidilna “l-atletika bdejtha meta kelli sitt snin.  Ma bdejtx fid-Discus Throw. Kont niprattika diversi dixxiplini varji fosthom sprints. Aktar ma beda jgħaddi ż-żmien aktar bdejt innaqqas il-varjetà.  Bdejt ninġibed iżjed lejn il-Javlin Throw. Beda jkolli passjoni kbira lejn dan l-isport. Tejjibt ir-rekord nazzjonali diversi drabi. Biss minn dan l-isport kelli nieqaf għax kont weġġajt. Minn hemm imbagħad bdejt nitħarreġ fid-Discus Throw.  Dan ukoll tani sodisfazzjon kbir.”

It-tfal mhux esposti biżżejjed għall-atletika…nemmen li jrid kun hemm bilanċ

Għalkemm illum l-atletika hi esposta ħafna aktar minn kemm kienet ammont ta’ snin ilu, ma’ Bradley nitkellmu dwar il-fatt li minkejja l-importanza tal-atletika, xorta għad għandna sitwazzjoni fejn hemm lok li wieħed itejjeb l-ammont ta’ tfal li jidħlu għall-atletika.

Bradley jgħidilna “naħseb li l-atletika għadha mhix esposta biżżejjed fost it-tfal Maltin. Irridu nuru kemm hu sabiħ u l-vantaġġi li joffri l-isports tal-atletika. Hemm varjetà kbira fosthom ‘hurdles’ u ‘sprints’. Fl-iskejjel taż-żgħar l-aktar li jiġi promoss hu l-futbol. Nemmen li għandu jkun hemm bilanċ. Illum is-sitwazzjoni tjiebet ħafna u hemm l-iskola nazzjonali tal-isport”.

Jenfasizza li “llum hawn xi għaxar klabbs tal-atletika. Il-klabbs jgħinuna ħafna. L-appoġġ tal-klabbs żdied ħafna. Jien nifforma parti minn Pembroke Athleta. Il-klabb joffrilna bosta opportunitajiet biex nikkompetu ma’ atleti barranin, kemm f’Malta kif ukoll barra l-pajjiz.. Dan jgħina biex nibqgħu nitgħallmu. Pembroke Athleta qegħdin jagħmlu l-EAP. Din issir darba fis-sena. Hi opportunità biex aħna bħala atleti nikkompetu ma’ atleti ta’ livell kbir. Jinġiebu atleti tajbin ħafna hawn u dawn kollha huma opportunitajiet għalina”.

Trid tipprattika ħafna u tibqa’ titgħallem kuljum

Bradley jisħaq li “biex tikkompeti mal-aħjar atleti bilfors trid tkun lest li tagħmel is-sagrifiċji. M’hemmx ‘short cuts’. Trid tipprattika ħafna u tibqa’ titgħallem kuljum. Trid tiffoka fuq kull aspett kemm dak tekniku, psikoloġiku u dak fiżiku. Jekk atleta jiffoka fuq dawn, x’imkien jasal. Jien issa ilni tlett snin nipprattika d-discus. Nista’ ngħid li nitgħallem xi ħaġa ġdida kuljum.”

Nistaqsuh jekk fi sport bħad-Discus Throw, x’inhu l-aktar importanti bejn teknika u l-aspett fiżiku. Bradley jgħidilna li “t-teknika l-aktar li tgħodd. Bħalissa l-aħjar atleta fid-dinja fid-Discus Throw hu l-iżgħar wieħed bħala massa ta’ muskoli, imma dan għandu teknika kbira. Għad għandu biss 20 sena, imma t-teknika li għandu hi effiċjenti ħafna”.

Il-mira hi li jkolli l-aqwa wirja tiegħi fid-Discus….inħeġġeġ lill-pubbliku għall-appoġġ

Dwar il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, Bradley jgħidilna, “l-aspetattivi tiegħi hu li nagħmel l-aqwa wirja fid-Discus. Din hi l-ewwel darba li se nkun qed nikkompeti fid-Discus. Inħeġġeġ lill-pubbliku Malti biex jappoġġja lill-atleti Maltin. Kull qatra tgħodd. L-appoġġ tal-pubbliku jagħti spinta lill-aspett psikoloġiku. Din tgħin ħafna. Meta atleta jkun jaf li hemm xi ħadd jappoġġjah, din tgħinu jġib riżultati aħjar”.

Nistaqsuh dwar żgħażagħ li jkunu fi sport bħall-atletika imma jiddeċiedu minħabba ċirkostanzi diversi li jieqfu ħesrem jew oħrajn imħajrin imma ma jibdew qatt.  Bradley, għandu messaġġ ċar: “lil dawn ngħidilhom, ibdew illum qabel għada. Emmen fik innifsek u taqta’ qalbek qatt. Tasal skont kemm trid inti u skont kemm titħarreġ. Bl-isports f’ħajtek tkun ferm u ferm aktar dixxiplinat. Wieħed irid ikun jaf kif iqassam il-ħin biex tkun tista’ tipprattika u tibqa’ għaddej b’ħajtek. Iżjed ma jkollok appoġġ biex tiddelega ħin fl-isport aktar dan jgħinek. Trid titfa’ moħħok hemm. Vera jsiru s-sagrifiċji iżda meta tilħaq il-miri tiegħek is-sodisfazzjon hu kbir”.