Internazzjonali

Ir-Russja: Uffiċjali qrib il-Kremlin jippruvaw jimminimizzaw l-azzjonijiet armati fit-territorji taghom

Numru ta’ sorsi Ukreni qalu li gruppi ta’ paramilitari Russi qegħdin ‘iqumu kontra t-tirannija’ tal-Kremlin u ta’ Vladimir Putin, fost numru ta’ battalji li seħħew fl-aħħar sigħat mal-qawwiet tas-sigurtà fir-Russja.

Il-ġlied seħħ wara li numru sinifikanti ta’ irġiel armati infiltraw ir-Russja mill-artijiet Ukreni u bħala l-akbar inkursjoni mindu l-qawwiet Russi invadew lill-Ukrajna, ħmistax-il xahar ilu.

Sadanittant, ir-residenti fir-reġjun Russu ta’ Belgorod kellhom jaħarbu minn djarhom biex jevitaw il-ġlied u meta baqgħet fis-seħħ direttiva biex huma ma jirritornawx fl-inħawi.

L-uffiċjali Russi referew għall-gruppi armati inkwistjoni bħala ‘terroristi’ waqt li sostnew li dawn kienu qegħdin iwettqu azzjonijiet ta’ sabutaġġ fir-Russja. Fl-aħħar sigħat ħarġet anki stqarrija li l-Uffiċjali qrib il-Kremlin kienu għelbu lill-elementi armati li daħlu pajjiżhom iżda d-dettalji baqgħu s’issa konfużi .

Filwaqt li ma daħlux rapporti dwar mejtin matul il-ġlied, jidher li numru ta’ ċivili spiċċaw midruba – bl-uffiċjali Russi qegħdin jitrattaw l-aħħar żviluppi bħala ‘każ ċar ta’ terroriżmu’. L-istqarrija uffiċjali mir-Russja kienet li l-qawwiet tad-difiża tagħhom kienu qatlu talanqas 70 allegati terroristi mill-Ukrajna u bl-oħrajn ‘jaħarbu lura mill-fruntiera lejn l-artijiet Ukreni.’

Sadanittant, is-sorsi Ukeni qed jgħidu li l-gruppi li infiltraw Belgorod huma tar-Russi li xebgħu mid-diktat qattiel tal-Kremlin u li jridu jaraw era ġdida ta’ demokrazija fir-Russja. Madankollu, l-identità tal-ġellieda li qasmu mill-Ukrajna u l-vera skopijiet tagħhom ma kenux ikkonfermati mis-sorsi indipendenti.

Fl-istess ħin, l-uffiċjali Ukreni qed jgħidu li grupp partikulari li xpruna l-inkwiet fir-Russja jismu l-Leġjun għal-Libertà tar-Russja, bi grupp ieħor involut fl-inkursjoni lejn Belgorod jismu l-Korp għall-Voluntiera Russi.

Il-Leġjun għal-Libertà tar-Russja hu entità tal-milizzji Russi, ibbażata fl-Ukrajna, u li tgħid li qed twettaq l-azzjonijiet fir-Russja bil-ħsieb li twaqqa’ il-Presidenza ta’ Vladimir Putin. Fil-bidu tal-ġimgħa, l-istess grupp tenna li kien irnexxielu ‘jillibera kompletament’ il-belt ta’ Kozinka, qrib il-fruntiera mal-Ukrajna, u li t-taqsimiet militari tiegħu kienu anki avvanzaw sal-limiti ta’ Grayvoron lejn il-lvant imbiegħed tar-Russja,