Lokali Qorti

Jammetti li għamel ħsara fuq mutur u agredixxa lill-Pulizija meta kien fis-sakra waqt party

Raġel li aggredixxa lill-uffiċjali tal-pulizija u għamel ħsara fuq mutur waqt li kien fis-sakra nhar il-Ġimgħa mhux se jitħalla jitlaq minn Malta qabel ma jħallas multa ta’ €5,000 u €1,711 biex jagħmel tajjeb għall-ħsara li kkawża. Hugh David Templeton ta’ 39 sena, li qal li bħala professjoni huwa software developer jinsab Malta fuq btala, wieġeb ħati ta’ akkużi relatati ma sokor u li kien isteriku waqt party li sar fil-Buskett matul il-lejl bejn id-19 u l-20 ta’ Mejju.

Huwa ammetta wkoll li kiser il-paċi pubblika, li aggredixxa tliet uffiċjali tal-pulizija u li kkawża ħsarat b’valur ta’ €1,711 fuq mutur ta’ mara. L-aġir vjolenti kompla aktar tard dak il-lejl fl-Isptar Mater Dei, fejn hedded tliet uffiċjali oħra tal-pulizija u rreżistihom b’mod vjolenti.

Huwa tressaq quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima it-Tlieta wara nofs inhar, fejn Templeton ikkonferma l-ammissjoni tiegħu tal-ħtija għat-tieni darba, wara li ngħata l-ħin biex ikellem lill-avukat tiegħu. L-uffiċjal tal-prosekuzzjoni l-Ispettur Roderick Agius ma insistix fuq sentenza ta’ ħabs effettiv, u rrakkomanda multa u sentenza ta’ ħabs sospiża.

L-Avukat Martin Farrugia, li nħatar biex jassisti lill-imputat bħala avukat tal-għajnuna legali, qabel. L-avukat qal lill-qorti li l-imputat iddispjaċih għall-azzjonijiet tiegħu, li ddeskriva bħala barra mill-karattru tiegħu fuq dak li wettaq u li kien “inċident sfortunat preċipitat minn intossikazzjoni”.

Ma kien hemm l-ebda intenzjoni jew karattru ħażin min-naħa tal-imputat, insista l-avukat, li sostna li r-raġel għandu jingħata multa. Il-maġistrat wara li daħlet fis-sigrieta tagħha, ħarġet bil-verdett fejn sabitu ħati fuq l-ammissjoni tiegħu stess, il-Qorti kkundannatu għal sena ħabs, sospiża għal tliet snin, u imponiet ukoll multa ta’ €5,000.

Ġie ordnat ukoll iħallas lill-mara għad-danni li kien ikkawża. “Ma jistax jitlaq mill-gżira qabel ma jħallas kollox,” qal il-maġistrat bi tweġiba għat-talba tal-avukat difensur għall-passaport Ingliż tar-raġel.