Lokali Saħħa

Konferma oħra ta’ kompliċità fis-serqa tal-isptarijiet u ta’ saħħet il-poplu Malti u Għawdxi – PN

Il-Partit Nazzjonalista jappella biex aktar nies jersqu ‘l quddiem u jixhdu l-verità dwar il-manuvri li seħħew fl-għotja tal-isptarijiet

L-artiklu ppubblikat illum fuq il-gazzetta ‘in-Nazzjon’ jikkonferma l-kompliċità ta’ Robert Abela biex ikompli jsir aktar serq fuq il-poplu Malti.

Mill-ġdid qed insegwu xenarju ta’ Robert Abela fejn ried jagħti aktar flus lil Steward Healthcare u li dan ma sarx għax kien hemm persuni fiċ-Ċivil li waqfulu.

‘In-Nazzjon’ ippubblikat rapport li jixhed li kieku ma kinux dawn il-persuni fiċ-Ċivil li kieku ma kienx hemm reżistenza għall-insistenza ta’ Abela u Chris Fearne, kieku Robert Abela kien jagħti lil Steward Healthcare dak kollu li riedu, biċ-ċittadin Malti jibqa’ jinsteraq il-miljuni u ma jingħata xejn lura.

Dan kollu jindika wkoll li Robert Abela gideb lill-Awditur Ġenerali, hekk kif il-ftehim il-ġdid ma’ Steward Healthcare ma sarx minħabba li individwi fiċ-ċivil żammew sod quddiem Robert Abela u Chris Fearne li riedu jagħtu aktar miljuni lil Steward.

Robert Abela kien qal li hu ma ffirmax wara parir mill-Avukat tal-Istat. Din hija gibda oħra. Robert Abela gideb ukoll lill-Awditur Ġenerali hekk kif l-affarjiet illum jixhdu mod ieħor.

Huwa ċar li l-Gvern ta’ Robert Abela ried jibqa’ jisraq lill-poplu Malti, u kien biss għax waqfulu persuni ta’ kuxjenza fiċ-ċivil li twaqqaf kollox.

Il-Partit Nazzjonalista kif anki qal il-Kap tal-Partit Bernard Grech mill-ġdid jappella biex kull min għandu informazzjoni jersaq ‘il quddiem u jitkellem. Hekk biss tista’ tinħareġ il-verità kollha fuq kemm dan id-deal frawdolenti, kif ġie msejjaħ mill-Qorti, sewa lill-poplu kollu.