Nhar il-Ġimgħa li ġej fit-8:00 ta’ filgħaxija fiċ-Ċittadella l-banda tal-Forzi Armati ta’ Malta se tieħu sehem f’kunċert li jfakkar it-33 anniversarju miż-żjara f’Għawdex ta’ Papa Ġwanni Pawlu II.
Il-Fondazzjoni Kulturali (JP2) Papa San Ġwanni Pawlu II b’kollaborazzjoni sħiħa tal-Kunsill Lokali tal Belt Victoria qed torganizza Kunċert mal-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta (AFM).
Dan il-kuncert kien skedat li jsir fil-5 ta’ Jannar 2023 u minħabba l-Luttu Nazzjonali għall-mewt tal-Papa Emeritu Benedittu XVI il-kunċert kellu jiġi pospost għal Ħamis 9 ta’ Frar 2023. Sfortunatament, il-kunċert kellu jerġa’ jiġi pospost minħabba l-maltemp għall-ġimgħa 26 ta’ Mejju 2023.
Il-Banda tal-AFM se tkun taħt id-direzzjoni mużikali tal-Kaptan Jonathan Borg AFM. Il-Knisja Katidrali tal-Assunta fiċ-Ċittadella se tkun qed tospita dan il-kunċert. L-attività hija bla ħlas iżda se ssir ġabra u parti minn din il-ġabra se jmur b’risq id-Dar tal-Providenza. Din l-attività qed tfakkar ukoll it-33 anniversarju miż-żjara f’Għawdex tal-Papa San Ġwanni Pawlu II, li saret fis-26 ta’ Mejju 1990. Il-kunċert se jibda fit-8.00pm.
//= $special ?>