GSSE Malta 2023 Sport

Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar: Il-ħsieb tal-kontinġent ta’ San Marino huwa lejn dak li għaddej minnu r-reġjun ta’ Emilio Romagna

Charles Camenzuli

Fil-Kwartieri Ġenerali tal-Kumitat Olimpiku ta’ San Marino saret il-preżentazzjoni uffiċjali tal-kontinġent li se jieħu sehem fid-19-il edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar – Malta2023.

Id-delegazzjoni ta’ San Marino se tkun magħmula minn 50 atleta u 40 uffiċjal li jinkludi membri tal-CONS, il-Kumitat Olimpiku Nazzjonali ta’ San Marino. Il-kontinġent għandu jasal Malta nhar il-Ħadd wara nofsinhar f’titjira diretta minn Rimini li għandha titlaq fit-3:10pm

Il-President tal-CONS, Gian Primo Giardi għamel riferenza li l-eta’ medja tal-atleti fil-kontinġent hija ta’ 26 sena filwaqt li hemm erba’ atleti taħt it-18-il sena. Preżenti wkoll Teodoro Lonfernini, Segretarju tal-Istat għall-isport .

Eros Bologna, Segretarju Ġenerali tal-CONS ikkonferma li chef de mission se tkun Mahena Abbati li fl-indirizz tagħha saħqet li l-ħsieb tal-kontinġent f’dawn il-ġranet huwa lejn Emilia Romagna u dak li għaddej minnu r-reġjun minħabba l-għargħar ta’ dawn il-ġranet. Abbati se tkun mgħejjuna minn Anna Lisa Ciavatta.

San Marino se jieħdu sehem fl-Atletika, Judo, Għawm, Rugby 7s, Tennis, Table-tennis, Sparar u Ibburdjar. Fil-kontingent jispikkaw fil-lista ta’ tiraturi Alessandra Perilli u Gian Marco Berti, rebbieħa tal-midalja tal-fidda fid-double trap fl-aħħar Olimpijadi ta’ Tokjo fl-2021 fejn Perilli fit-Trap kisbet ukoll il-midalja tal-fidda.