L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera laqgħet l-appell ippreżentat minn raġel li kien ġie mmultat kważi nofs miljun ewro aktar kmieni din is-sena wara li nstab ħati li evada dazju tal-importazzjoni, taxxa u VAT fuq tabakk u xorb alkoħoliku. Il-Qorti lliberatu wara li ddikjarat li l-prosekuzzjoni ma ġabitx provi li l-oġġetti maqbuda kienu, fil-fatt sigaretti u spirti.
George Vella, ta’ 62 sena residenti Buġibba, kien ġie mmultat €450,554.73 u ikkundannat tmien xhur ħabs sospiżi għal tliet snin fi Frar li għadda wara li nstab ħati li fl-2007, kellu fil-pusses tiegħu sigaretti, tabakk u xorb alkoħoliku mingħajr dazju f’garaxx ġewwa Buġibba, bil-ħsieb li jifroda lill-Gvern.
Uffiċjali kienu skoprew sigaretti duty-free, whisky, vodka u rum moħbija ġewwa l-vann Peugeot Partner tiegħu li kien ipparkjat fil-garaxx. Il-merkanzija kienet stmata €41,296.34 li fuqhom ma tħallsux €28,510.74 f’dazju tal-importazzjoni, €121,674.17 f’sisa u €34,466.62 f’VAT.
Vella kien ressaq appell, fejn sostna li l-uniċi provi minbarra n-noti ta’ qbid, kienu ritratti ta’ kaxxi tal-kartun magħluqin, li minnhom wieħed kien juri boroż tal-plastik u ieħor fliexken trasparenti ġewwa l-maħżen doganali u mhux fil-post fejn kienu oriġinarjament misjuba.
Ma saret l-ebda inkjesta maġisterjali u lanqas ma saru rapporti ta’ esperti, xhieda marbuta mal-każ u esebiti li hija ffirmata mill-maġistrat inkwirenti. Fis-sentenza tagħha li dawwret is-sentenza ta’ kundanna fil-konfront ta’ Vella, l-imħallef qalet li kienet tistenna li tinħatar inkjesta maġisterjali biex tippreserva l-provi u jiġi stabbilit jekk l-oġġetti maqbuda kinux dak li dehru li huma.
Fin-nuqqas ta’ tali inkjesta, il-prosekuzzjoni xorta setgħet titlob il-preservazzjoni tal-provi u l-ħatra ta’ espert biex jirrapporta dwar il-kontenut tal-kaxxi. “Fin-nuqqas ta’ dan kollu, il-prosekuzzjoni kellha ta’ l-inqas esebixxa ritratti ċari li juru l-kaxxi miftuħa biex juru dak li wieħed jistenna li kien hemm ġewwa l-kaxxi, jiġifieri s-sigaretti nfushom, li bir-rispett kollu, ritratti ‘balck on white’ ta’ kaxxi, tikketti tas-sigaretti u xi fliexken żgur mhumiex l-aqwa evidenza li setgħet iġġib il-prosekuzzjoni.”
“Għalkemm din il-qorti setgħet tippreżumi, fuq il-bażi tar-ritratti esebiti, li l-kaxxi kien fihom sigaretti u alkoħol, il-preżunzjonijiet m’għandhomx post fil-proċeduri kriminali.” L-appell ta’ Vella ġie milqugħ, u l-kundanna u l-multa tiegħu m baqgħux fis-seħħ. L-avukat Roberto Montalto kien avukat difensur.
//= $special ?>