Ħaddiem ta’ 51 sena minn Marsaskala ma nstabx ħati li tmien snin ilu naqas milli jħares is-saħħa u s-sigurtà ta’ żagħżugħ ta’ 17-il sena li kien spiċċa tilef ħajtu fil-fabbrika Construct Furniture wara li nqabad f’magna tal-injam. Matthew Bartolo kien korra gravi meta nqabad ma’ magna li kienet tintuża biex taħdem bibien tal-injam. Bartolo kien ittieħed l-isptar u tilelf il-battalja mal-mewt siegħa wara.
David Peter Blundell li kien qed jopera l-magna ma nstabx ħati li fl-4 ta’ Ġunju 2015, għall-ħabta ta’ 12.30pm naqas milli jppreveni l-inċident u s-sigurtà tiegħu, kif ukoll ta’ persuni oħra. Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Leonard Caruana wara li semgħet il-provi qalet li l-magna li taħdem b’mod awtomatiku u li din tilħaq il-qofol tagħha fil-mumenti li jwasslu sakemm tinxtegħel.
L-operatur irid jassikura ruħu li qabel ma tinxtegħel il-magna u fil-mument li tinxtegħel, ma jkun hemm periklu għall-ebda persuna fil-viċinanzi. Fil-fehma tal-Qorti, dan l-obbligu Blundell wettqu billi aċċerta ruħu kemm viżwalment mal-vittma fejn anke staqsieħ darbtejn jekk hux kollox kien sew qabel ma xegħel il-magna.
Il-Qorti qalet ukoll li għalkemm tressqu provi fuq il-mumenti li wasslu għal qabel ma nxtegħelet il-magna, ma tressqux provi ta’ x’seħħ fil-mumenti ta’ wara li nxtegħlet il-magna sakemm seħħ l-inċident. Mill-provi rriżulta wkoll li l-vittma rnexxielu jidħol ħdejn il-magna mingħajr ma jiftaħ ix-xatba. Li kieku din nfetħet, kieku l-magna kienet tieqaf topera.
Il-Qorti hawnhekk tfakkar li l-barriera ma kienitx mad-dawra kollha tal-magna u l-parti ta’ wara tagħha kienet aċċessibbli anke waqt l-operat tagħha. Għaldaqstant il-Qorti qalet li filwaqt li tesprimi s-sogħba tagħha għal dan l-inċident traġiku u sfortunat, ma tarax li l-akkużat naqas mill-obbligi imposti fuqu skont il-liġi w ssib lil Blundell mhux ħati tal-akkuża miġjuba kontrih u lliberatu minn kull ħtija u piena.
Il-vittma kien ilu mpjegat ftit aktar minn ħames xhur
Blundell, kien impjegat mas-soċjetà Construct Furniture Company Limited bħala mastrudaxxa fuq bażi full time sa mit-2 ta’ Novembru 19988 u kellu esperjenza vasta fuq il-magni tal-fabbrika, inkluż il-magna inkwistjoni. Il-vittma, Matthew Bartolo, kien ukoll impjegat ma’ din is-soċjetà. Filfatt hu ġie impjegat fit-12 ta’ Jannar 2015 bħala labourer.
Peress li l-vittma kien għad kellu biss 17-il sena, huwa kien ikollu jkun taħt superviżjoni ta’ ħaddiem ieħor ta’ aktar esperjenza. Dakinhar tal-inċident fatali, il-vittma kien qed jaħdem taħt is-superviżjoni ta’ l-akkużat. F’dak il-jum l-akkużat daħal għax-xogħol għall-ħabta tal-4:00am filwaqt li l-vittma daħal għall-ħabta tas-6.30am.
Ix-xogħol li kellhom jagħmlu meta seħħ l-inċident kien jikkonsisti f’bieb u ftit qabel ma seħħ l-inċident il-vittma kien qed jassisti lill-akkużat iqiegħdu folja tal-injam fuq il-mejda tal-magna biex din tinħadem. L-akkużat kien l-operatur tal-magna u x’ħin il-folja kienet f’postha, u kellu jmur fuq il-‘console’ sabiex jibda l-proċess tal-magna u jsir il-bieb. Skont ir-rapport tat-tabib forensiku Mario Scerri, mill-ġrieħi li ġarrab jidher li l-vittma inqabad, possibbilment mill-ħwejjeġ, mill-magna li kkaġunatlu l-crush injury.
Mill-provi ħareġ li l-magna inkwistjoni hi tat-tip Shoda Numerically Controlled Router & Molder Machine. Din tikkonsisti minn sitt “heads” li jimxu fuq pjan wieħed (x-axis) li għandhom diversi funzjonijiet bħal “routing” u tqattigħ. Il-folji tal-injam jitpoġġew fuq mejda speċjali, li jofformaw parti intergrali mill-magna, li għandha “suckers” tal-vacuum biex iżommu l-folja marbuta mal-mejda waqt li tkun qed tinħadem.
Il-mejda timxi fuq pjan wieħed (y-axis) biex b’mod ikkowordinat mal-“heads” tkun tista’ tagħmel bieb sħiħ bid-disinnji u komplut bit-toqob għas-serratura. Ix-xogħol fuq il-bieb jiġi programmat minn qabel u l-operatur tagħha jħaddimha minn ‘console’ apposta li tinsab madwar ħames metri ‘l bogħod mill-magna.
F’dan il-każ, il-console kien qiegħed fuq ix-xellug tal-magna. Ġie nnutat mill-espert nnominat Joseph Zammit illi waqt l-operat tagħha, il-magna, ossija heads, jimxu lejn il-lemin, tidħol ġo spazju limitat tant li t-travelling table, jiġiferi l-mejda, jibqagħlha biss spazju kemm ma taħbatx mal-ħajt tal-fabbrika u mekkaniżmu ieħor tal-istess magna fuq il-lemin ġo ‘housing’ kwadrat.
F’dan l-ispazju limitat jidher li seħħ l-inċident fejn il-vittma inqabad bejn it-travelling platform u l-parti tal-ġenb tal-magna. Din il-magna hija ta’ ċerta kobor u kienet armata fil-livell tal-basement tal-fabbrika. Quddiema għandha barriera ta’ għoli ta’ 92cm mill-art biex jillimita l-aċċess għal ħdejn il-magna minn quddiem, imma m’hemmx barriera għal min irid jidħol minn wara.
Il-magna ma kinitx “safe for use”
Fuq din il-barriera hemm tliet buttuni ta’ emerġenza u hemm “gate interlock” li titfti l-magna minnufiħ jekk xi ħadd jiftaħ ix-xatba tal-barriera tas-sigurtà. Il-magna kienet ‘operational’ u għaddiet mit-testijiet kollha li għamel l-espert maħtur – l-Inġinier Ray Spiteri.
Il-ħin li kienet tirrikjedi sabiex tieqaf kompletament f’każ ta’ inċident kien ta’ sebgħa sekondi, li huwa fil-parametri stabbiliti internazzjonalment għal din it-tip ta’ magna. Il-magna, però, ma kienitx ‘safe for use’ peress li l-barriera, jew aħjar safety fencing, ma kienitx tkopri d-dawra kollha tal-magna. Il-magna kienet titħaddem minn ‘control pane’ jew ‘console’ separat u li, kif diġà ntqal, kien madwar ħames metri bogħod mill-istess magna.
Jirriżulta li l-vittma spiċċa mabqud bejn il-mejda, li tiċċaqlaq skond id-disinn meħtieġ u parti oħra mill-istess magna bir-riżultat li ġismu ċċarat minn naħa ta taħt idejħ ix-xellugija sa madwar nofs żaqqu ‘l fuq miż-żokkra. Kellu diversi ksur u tiċrit u meta ddaħħal l-isptar qalbu kienet diġà waqfet.
L-isptar ipprovaw jirrisuxxitawħ għal madwar siegħa iżda kien kollu għal xejn. Fis-1.30pm hu ġie ċertifikat bħala mejjet. Illi fil-ħin tal-inċident, kien hemm biss l-akkużat u l-vittma joperaw il-magna. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Hubert Cini.
//= $special ?>