Internazzjonali

Miet il-kantant u preżentatur Rolf Harris li kien involut f’wieħed mill-akbar skandli marbutin mal-qasam tad-divertiment

Rolf Harris, il-kantant, kompożitur u preżentatur veteran tat-televiżjoni, miet bil-marda tal-kanċer fl-età ta’ 93 sena…Mewtu kienet ikkonfermata snin wara li hu weħel il-ħabs dwar pedofelija u attakki sesswali fuq it-tfajliet f’wieħed mill-akbar skandli li qatt laqtu lid-dinja tax-showbusiness.

Il-kantant, magħruf għal kanzunetti bħal Two Little Boys, Tie Me Kangaroo Down Sport u Jeg the Peg kellu anki xi interessi kummerċjali hawn Malta matul is-sittinijiet u s-snin sebgħin waqt li kiseb fama u popolarità kbira permezz tal-programmi għad-divertiment tat-tfal u l-familji li kien jippreżenta.

Fil-fatt, Rolf Harris kien baqa’ personalita mill-aktar prominenti fir-Renju Unit u l-Awstralja għal aktar minn 50 sena u fejn kien onorat diversi drabi għat-talenti tiegħu bħala kantant u preżentatur.

Madankollu, ir-reputazzjoni ta’ Harris ħadet daqqa ta’ ħarta kbira wara li hu nstab ħati dwar diversi każi ta’ aggrediment tat-tfajliet għal skop indiċenti u li seħħew bejn l-1968 u l-1986. Dan kien ikkonfermat waqt ġuri li sar fl-2014 u fejn Rolf Harris kien ikkundannat għal kważi sitt snin ta’ priġunerija.

Il-proċess ta’ Harris kien sar fil-Qorti ta’ Southwark u fejn hu, inizjalment, instab ħati dwar numru ta’ attakki fuq il-bniet  u tfajliet matul is-snin sebgħin u t-tmeninijiet. Fost il-vittmi tiegħu kien hemm xi adolexxenti flimkien ma’ minorenni li kienu jinkludu tifla ta’ 12-il sena li avviċinatu għall-awtografu.

Intant, Rolf Harris inħeles mill-ħabs fl-2017 u qatt ma wera xi rimors jew talab skuża lill-vittmi tiegħu jew lil qrabathom.

Fl-aħħar snin ta’ ħajtu, Rolf Harris kien qed jgħix fil-villaġġ ta’ Bray, flimkien ma’ martu, u rari kien qed jidher fil-pubbliku.

Sadanittant, il-familja ta’ dan il-personalità kkonfermat li saħħtu kienet bdiet sejra lura sew fl-aħħar xhur waqt li ħarġet ukoll talba biex il-privazija tagħha tkun irrispettata.