Pajjiżna għandu bżonn Awtorità tal-Ippjanar iffukata fuq l-ippjanar tal-iżvilupp aktar milli fuq il-kontroll tal-iżvilupp.
Il-Gvern ta’ Robert Abela għandu jieqaf mill-kantaliena li jinħeba wara awtorità bla riżorsi fl-ippjanar u wara deċiżjonijiet ta’ 17-il sena ilu billi jammetti l-konfużjoni li ġab bil-policies ambigwi u kontradittorji li kienu introdotti fl-aħħar 10 snin.
Dan sostnieh id-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Stanley Zammit fi stqarrija.
F’dawn l-aħħar 10 snin, il-Gvern Laburista staġna s-sistema tal-ippjanar, filwaqt li intezzjonalment iffriża u għażel li jtawwal il-bidla meħtieġa fil-pjanijiet u l-policies biex jagħti l-impressjoni li dawn ma jistgħux jinbidlu.
In-nuqqas ta’ forward planners fl-Awtorità tal-Ippjanar aggrava s-sitwazzjoni u jikkonferma dan tant li r-reviżjonijiet meħtieġa b’mod iddisprat, bħall-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp (l-iSPED) iddewmu u tpoġġew fuq l-ixkafa għal snin.
In-nuqqas ta’ proċess ta’ ppjanar ħaj wassal għal metodoloġija ta’ ppjanar bla addoċċ, fejn il-policies ikunu injorati jew interpretati b’mod ħażin u jittieħdu deċiżjonijiet mingħajr ma jitqies l-impatt li l-bidliet demografiċi, ambjentali, ekonomiċi u soċjali għandhom fuq il-benessri tal-komunitajiet ikkonċernati.
Il-Gvern ta’ Robert Abela għandu jġorr ir-responsabbiltà, jieqaf iwaħħal fid-difetti fil-pjanijiet lokali u tal-proċess ta’ razzjonalizzazzjoni u jagħmel dak li ma għamilx f’10 snin. Għandu jibda minnufih proċess biex ikunu riveduti, mibdula jew imneħħija kif meħtieġ pjanijiet lokali u policies, inkluż l-Annex 2 abbażi tal-istudji bħal tal-Carrying Capacity u l-iSPED. Bl-istess mod, għandu jippjana zoni razzjonalizzati u jiddettermina x’tip ta’ żvilupp għandu jsir fihom.
Il-Partit Nazzjonalista jtenni li l-komunità għandha tiġi involuta sa mill-bidunett tal-ippjanar fejn, bħala awtorità pubblika, l-Awtorità tal-Ippjanar iġġib l-interess komuni qabel l-interess tal-individwi u qabel l-interess tal-Gvern tal-ġurnata.
Bħala Gvern alternattiv, il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jaħdem biex isseħħ ir-riforma radikali li hemm bżonn fl-ippjanar wara 10 snin tas-suq isuq. Jemmen ukoll li sistema tal-ippjanar ħolistika, ċara, akkontabbli, trasparenti, ġusta, li tagħti prijorità lill-kwalità tal-ħajja u bl-involviment sħiħ tal-komunità tagħti ċ-ċertezza, is-sigurtà u s-serħan tal-moħħ, filwaqt li twassal għal żvilupp veru sostenibbli.
//= $special ?>