Internazzjonali

Tama li jinxteħet dawl ġdid fuq l-għajbien taċ-ċkejkna Madeleine…16-il sena wara

Il-misteru dwar l-għajbien  tat-tifla Ingliża Madeleine McCann jista’ dalwaqt ikun riżolt – almenu hekk qed jittamaw l-awtoritajiet Ġermaniżi li, mill-ġdid, qegħdin jagħmlu tfittxija intensiva f’ġibjun fir-reġjun tal-Algarve, fil-Portugall.

Madeleine ma dehret qatt aktar mindu sparixxiet mill-kamra tar-resort fi Praia da Luz fejn kienet alloġġjata flimkien mal-ġenituri tagħha li kienu fuq btala fil-Portugall. L-għajbien tat-tifla ta’ tliet snin kien irrappurtat fit-3 ta’ Mejju tal-2007 u l-media ilha s-snin tirreferi għall-każ bħala l-aktar wieħed li jinvolvi persuna nieqsa li qatt qanqal interess mill-istampa internazzjonali.

It-tfittxija fil-ġibjun –xi 50 kilometru ‘il bogħod minn Praia da Luz –qed tinvolvi anki l-bugħaddasa tal-pulizija; bl-uffiċjali tal-liġi anki qed ifittxu qalb il-madwar tal-ġibjun. Fl-2008 kienet saret tfittxija simili fl-istess ġibjun wara li avukat Portugiż kien iffinanzja lill-bugħaddasa esperti biex jagħtu sehemhom wara li rċieva informazzjoni mingħand il-kuntatti viċin network ta’ kriminali.

It-tfittxija attwali ħadet lil kulħadd għall-għarrieda u hemm tamiet ġodda li l-ħidma għandha tixħet dawl ġdid fuq il-misteru – wara li l-aħħar tfittxija uffiċjali għat-tifla kienet saret fl-2014. F’dik it-tfittxija, id-detektivs Britanniċi, megħjuna mill-esperti forensiċi, kienu użaw id-drones u tagħmir tar-radar għall-analiżi ta’ zona partikulari ‘il hinn mir-resort u fejn ma nstabu l-ebda provi.

Sadanittant, raġel Ġermaniż, Christian Brueckner, għadu dikjarat bħala suspettat formali fil-każ mill-prosekuturi Portugiżi.  Brueckner qed jinżamm il-ħabs fil-Ġermanja b’konnessjoni mal-istupru ta’ mara, fl-2005, li kien seħħ fl-istess zona tal-għajbien ta’ Madeleine — madankollu ma tressqulu qatt akkużi formali dwar il-każ tat-tifla u meta hu qed jiċħad għal kull sehem fl-għajbien tagħha.