Kunsilli Lokali Lokali

Tkompli t-tħejjija għall-elezzjonijiet

Il-Kunsillieri f’isem il-Partit Nazzjonalista se jkomplu jpoġġu r-residenti fiċ-ċentru tal-ħidma tagħhom hekk kif għaddejjin bi ħġarhom il-preparamenti għall-elezzjoninijiet tal-Kunsilli Lokali li se jsiru f’Ġunju tas-sena d-dieħla.

Dan ħareġ waqt il-laqgħa li saret bejn numru ta’ Kunsillieri Lokali – laqgħa organizzata it-Tnejn filgħaxija fid-Dar Ċentrali tal-PN, u li kienet indirizzata mid-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Chris Said, is-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino kif ukoll mill-Koordinatur tal-Kunsilli Lokali f’isem il-Partit Nazzjonalista u Kunsillier fil-Fgura Charles Bonello.

Waqt il-laqgħa kien hemm preżenti wkoll diversi Sindki kif ukoll minority leaders fejn ġew diskussi bosta temi li huma ta’ sfida għall-ħidma ta’ kuljum tal-Kunsilli Lokali.

Fost l-oħrajn kien diskuss l-aħħar dokument li ġie ppubblikat dwar ir-riforma fil-qasam tal-Kunsilli Lokali fejn il-bżonnijiet tal-lokalitajiet mhux qed jiġu indirizzata ….għad-detriment tar-residenti.

Barra minn hekk, ġiet diskussa ukoll il-ħidma li qed issir dwar il-preparamenti għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali kif ukoll tal-MEPs li se jsiru fit-8 ta’ Ġunju tas-sena d-dieħla. Fejn hawnhekk issemma l-importanza li l-kunsillieri jkomplu bl-impenn tagħhom ħalli r-residenti jibqgħu fiċ-ċentru tal-ħidma tal-Kunsilli Lokali f’pajjiżna.