Lokali Parlament

Yorgen Fenech ma jixhidx quddiem il-PAC dwar il-power station tal-Electrogas

Yorgen Fenech, l-akkużat bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, kien fil-parlament biex jixhed quddiem il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) dwar il-kuntratti tal-power station tal-Electrogas iżda irrifjuta li jixhed minħabba l-kawża dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-PAC kien presedut mid-deputat Nazzjonalista Darren Carabott u l-Oppożizzjoni kienet rappreżentata mid-deputati Graham Bencini u Robret Cutajar waqt li l-Whip Laburista Andy Ellul, il-Ministru Clayton Bartolo u d-deputati Laburisti Glenn Bedingfield u Naomi Cachia qed jirrappreżentaw lill-Gvern.

Din kienet l-ewwel darba li Yorgen Fenech se jkun qed jixhed quddiem il-PAC dwar il-kuntratti tal-Electrogas u xhieda oħra qablu kienu l-ex Ministru Laburista Konrad Mizzi, Keith Schembri, uffiċjali tal-Enemalta u uffiċjali tal-Electrogas fost l-oħrajn.

Għal din is-seduta, ittieħdu miżuri qawwija ta’ sigurtà madwar u fil-parlament u ħadd ma tħalla jidħol fil-kamra fejn saret is-seduta tal-PAC ħlief persuni awtorizzati fosthom ġunalisti.

Yorgen Fenech kien assistit mill-avukati Gianluca Caruana Curran u Charles Merciera.

Qabel ix-xhieda l-Avukat Charles Mercieca qal li minħabba li x-xhud jinsab akkużat bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u qal li skont ir-regoli tal-Kamra, Yorgen Fenech m’ għandux jixhed sakemm jintemmu l-proċeduri fil-Qorti.

Darren Carabott wieġeb li l-PAC qed jiddiskuti r-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-kuntratti tal-Eelectrogas u sostna li jekk l-avukati jridu jiddeċiedu jekk jinsistux bil-pożizzjoni tagħhom fi-kuntest tal-allegat mottiv tal-qtil ta’ Caruana Galizia.

L-Avukat Charles Mercieca insista fuq ir-regoli tal-Kamra u qal li l-parlament Ingliż jissospendi x-xhieda f’ċirkostanzi bħal dawn. Hu sostna li l-kawża ta’ Yorgen Fenech hi waħda determinati fejn l-Avukat Ġenerali qed jitlob għomor il-ħabs f’każ ta’ sejbien ta’ ħtija.

Iċ-Chairman tal-PAC Darren Carabott qal li kien hemm diversi rulings li poġġew ir-responabbiltà fuq ix-xhur dwar jekk hemmx proċeduri marbutin mal-każ quddiem il-każ.

Il-Kumitat tratta r-rulings li diġà ngħataw u ssospenda l-laqgħa għal xi ħin.

Meta kompla l-kumitat, Darren Carabott sejjaħ lix-xhud Yorgen Fenech biex jerġa’ jidħol fil-kamra.

L-Avukat Charles Mercieca qal lill-kumitat li Yorgen Fenech jinsab akkużat b’delitt quddiem il-Qorti Kriminali fejn il-Prosekuzzjoni qed issostni li l-mottiv wara d-delitt hi l-kwistjoni diskussa quddiem il-PAC. Hu tratta r-regoli tal-Kamra f’dan ir-rigward u anki rulings tal-Ispeaker fl-2019 u fl-2020 u talab lill-PAC biex ma jiħux ix-xhieda ta’ Yorgen Fenech.

L-Avukat Mercieca spjega li l-proċeduri kriminali kontra Yorgen Fenech għadhom pendenti u qal li Yorgen Fenech lest jixhed met jkunu intemmu l-proċeduri fil-qorti.

Darren Carabott talab lil Yorgen Fenech u lill-avukati tiegħu biex joħorġu sakemm il-membri tal-PAC jiddeċiedu.

Meta kompliet il-laqgħa, Darren Carabott qal li l-kumitat għandu jissospendi x-xhieda sakemm jinqatgħu s-sentenzi fil-qorti biex ix-xhieda tinstema’ wara. Il-Kumitat qabel.

Yorgen Fenech u l-avukati tiegħu reġgħu ssejħu quddiemil-PAC fejn kienet komunikata d-deċiżjoni li x-xhieda tkun sospiża.

Il-PAC aġġorna b’Darren Carabott isostni li quddiem suġġet bħal dan li jolqot it-taxxi tal-poplu, flok qed issir diskussjoni fil-parlment, it-taxxi tal-poplu Malti qed ikunu diskussi fil-qrati tal-pajjiż. Andy Ellul espriema tama li l-PAC jibqa’ wieħed li ma jinbidilx f’ballun politiku.

Il-Kumitat kien aġġornat għall-ġimgħa d-dieħla.