Żewġt irġiel bi storja b’rabta ta’ traffikar ta’ kokaina, għal darb’oħra reġgħu spiċċaw il-Qorti fejn qed jiffaċċjaw akkużi dwar sejba ta’ madwar ħames kilos kokaina f’rejd ta’ droga li sar f’Ħ’Attard nhar it-Tnejn. Agostino Agius ta’ 53 sena residenti Ħ’Attard u Darren Desira ta’ 47 minn Ħaż-Żebbuġ u residenti Ħal Balzan, it-Tlieta wara nofsinhar tressqu taħt arrest quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima, akkużati b’pussess ta’ kokaina f’ċirkustanzi li juru li ma kinitx biss għall-użu personali tagħhom u t-traffikar tad-droga.
Agius waħdu kien akkużat aktar li kiser il-kundizzjonijiet tal-pleġġ mogħtija lilu fl-2016, filwaqt li Desira kien akkużat ukoll li sar reċediv, bl-akkużi jiċċitaw diversi kundanni preċedenti. Desira li kien diġa’ kkundannat fuq droga kien ukoll fiċ-ċentru ta’ każ ta’ tixħim li kien jinvolvi Imħallef li kkundannaħ 18-il sena ħabs fl-2012 talli ttraffika kokaina.
Agius kien ġie akkużat bi traffikar tal-kokaina u reati ta’ armi fl-2016 u kien ingħata l-ħelsien mill-arrest. L-Ispettur Marshall Mallia, li qed imexxi l-prosekuzzjoni flimkien mal-Ispettur Alfredo Agius, qal fil-Qorti kif l-iskwadra tad-droga kienet irċeviet informazzjoni kunfidenzjali t-Tnejn stess, li tindika li ż-żewġt irġiel se jkunu involuti fi ftehim ta’ droga.
Il-Pulizija kisbet mandat ta’ arrest u interċettat lil Desira waqt li kien ħiereġ mill-blokk ta’ appartamenti f’Ħ’Attard fejn kien joqgħod Agius. Desira nstab li kienet qed iġorr baskett tal-karti mimli qratas tal-kokaina li b’kollox kienet tiżen aktar minn kilo.
Wara il-pulizija kienet daħlet fir-residenza u arrestat lil Agius, u sabet imwieżen diġitali u pakketti bil-kokaina ssiġillati fil-kċina, li jammontaw għal madwar erba’ kolis b’kollox. Instabu wkoll żewġ bagalji li waħda minnhom kienet miftuħa u kellha qiegħ falz. Fil-bagalja instabu traċċi ta’ droga, qal il-prosekutur.
L-Avukat Giannella Caruana Curran qalet li xtaqat tippreċiża li l-Pulizija ma rawx lil Desira ħiereġ mid-dar iżda minn blokka ta’ appartamenti fejn hemm jgħix il-ko-akkużat. L-Ispettur Mallia qal li Desira intlemaħ ħiereġ mill-parapatt tal-appartamenti.
Agius, li qal lill-Qorti li għandu mpieg part-time, wieġeb mhux ħati. Desira, li qal li kien xufier, ċaħad ukoll l-akkużi miġjubin kontrih. L-ebda wieħed mill-irġiel ma talab il-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju. Il-prosekuzzjoni talbet ordni ta’ ffriżar, li d-difiża oġġezzjonat għaliha.
Il-Qorti laqgħet it-talba u imponiet ordnijiet ta’ ffriżar fuq iż-żewġt irġiel, li żammithom milli jittrasferixxu jew jiddisponu mill-flus jew proprjetà kollha tal-akkużati, ħlief €600 li jistgħu jirtiraw kull 15-il jum biex ikollhom biex jgħixu. Agius kien assistit mill-avukati Franco Debono u Matthew Xuereb. L-avukati Giannella De Marco u Francois Dalli assistew lil Desira.
//= $special ?>