Internazzjonali

Guyana: Iddeċidiet li tqabbad l-iskola… wara li kienu ħadulha t-telefon

L-awtoritajiet fil-Guyana qed jieħdu l-pariri dwar jekk iressqux akkużi ta’ omiċidju fil-konfront ta’ tfajla adolexxenti li tat in-nar lill-iskola tagħha u li fih mietu dsatax il-student – fil-parti kbira tfajliet. 

Sar magħruf li l-istudenta wettqet l-azzjoni f’dagħdigħa ta’ rabja wara li l-awtoritajiet tal-iskola kienu konfiskawlha t-telefon ċellulari.

It-tifla spiċċat tqabbad in-nar f’dormitorju tal-iskola fil-belt ta’ Mahdia – bl-istudenti, inklużi tfal, jinqabdu ġewwa peress li l-bibien kienu msakkrin u bir-residenti fiz-zona tal-iskola jqumu maħsudin mit-twerżiq tal-vittmi.

It-tfajla inkwistjoni bħalissa qed tinżamm l-isptar wara li sofriet il-ħruq serju, l-istess bħal diversi studenti oħra – u fejn hi ammettiet għall-azzjoni. Jidher ukoll li l-istess tfajla kienet stqarret minn qabel li ‘kellha tqabbad l-iskola’ u b’ħadd minn fost l-awtoritajiet u l-istudenti ma jeħduha bis-serjetà.