Internazzjonali

Il-Ġermanja: Rejds fuq attivisti tal-klima li jistgħu jkunu dikjarati bħala kriminali

Il-Pulizija fl-aħħar sigħat wettqet diversi rejds f’seba’ Stati tal-Ġermanja bħala parti minn investigazzjoni dwar l-attivisti favur il-klima. L-attivisti inkwistjoni huma suspettati b’li ‘iffurmaw grupp kriminali’ bil-ħsieb li jixprunaw sensiela ta’ attivitajiet kontroversjali u illegali.

Talanqas seba’ persuni bejn it-22 u t-38 sena waqgħu taħt is-suspett tal-awtoritajiet iżda ma saru l-ebda arresti. Dan wara li l-attivisti mal-moviment bl-isem ‘l-Aħħar Ġenerazzjoni’  fl-aħħar xhur, wettqu diversi azzjonijiet għall-inkonvejent tal-pubbliku u fejn anki ħarbtu lit-traffiku fl-ibliet il-kbar tal-Ġermanja.

Mal- 170 pulizija ħadu sehem fl-aħħar rejds fuq l-appartamenti u bini oħra f’ Berlin, il-Bavarja, Dresden, Hamburg u bliet oħrajn – u fejn huma għalqu l-websajt tal-moviment minbarra li ffriżaw xi kontijiet tal-attivisti.

Il-Kanċillier tal-Ġermanja, Olaf Scholz, ikkundanna l-kampanja tal-attivisti bħala ‘waħda bla sens għall-aħħar’. Dan ukoll meta r-rappreżentanti ta’ diversi oqsma tas-soċjetà fil-Ġermanja ma jistgħux jaqblu jekk dan il-moviment tal-attivisti jistax jaqa’ legalment fil-kategorija ta’ organizzazzjoni kriminali.

Id-deputati konservattivi fil-Parlament Ġermaniż, sadanittant, qed jitolbu biex l-attivisti li jiksru l-bwon ordni bl-aġir tagħhom jeħlu pieni aktar ħorox, inklużi sentenzi ta’ ħabs xierqa. Madankollu l-elementi politiċi tax-xellug wissew lill-Gvern Ġermaniż biex ma jimponix il-kontrolli li jistgħu jkunu interpretati bħala l-azzjoni ta’ Tmexxija awtoritarja.