Il-President ta’ Repubblika, Robert Aquilina, kien mistieden fi Sqallija mill-Fondazione Falcone, biex jagħmel diskors għall-31 anniversarju tal-assassinju mafjuż ta’ Giovanni Falcone u Paolo Borsellino. Id-dimostrazzjoni saret it-Tlieta wara nofsinhar, quddiem id-dar fejn kien jgħix il-Maġistrat Falcone f’Palermo.
“Il-fatt li qiegħdin miġbura hawn flimkien, 31 sena wara l-istraġijiet ta’ Capaci u ta’ Via D’Amelio, ma jfissirx sempliċiment li qegħdin infakkru dawn l-espisodji – kif aħna obbligati li nagħmlu – iżda jfisser li qed nieħdu fuqna nfusna impenn preċiż: l-impenn li nkomplu l-ġlieda li għaliha Giovanni Falcone u Paolo Borsellino taw ħajjithom … l-impenn li naħdmu għal soċjetà li fiha tirrenja l-ġustizzja.
Wieħed u tletin sena ilu, ta’ tifel ta’ erbatax il-sena, kont nara dawn iż-żewġt irġiel ġusti, li bid-determinazzjoni tagħhom u b’sens qawwi ta’ dover u mħabba għall-ġid komuni, irnexxilhom iġiegħlu lis-soċjetà Taljana tħares lejha nnifisha fil-mera u tħoss sens qawwi ta’ mistħija. Hu dan is-sens ta’ mistħija li wassal lill-istat Taljan biex jagħmel ġlieda qawwija kontra l-mafja. F’dak iż-żmien, jien kont inħares lejn dan kollu mill-bogħod.
Ħames snin ilu fuq il-gżira tiegħi – Malta – ġie imwettaq att mafjuż. Mafjużi Maltin splodew karozza b’bomba biex jeħilsu mill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Daphne ma kienitx maġistrat … ma kienitx parti mill-istituzzjonijiet pubbliċi, iżda l-assassinju tagħha għandu xebħ kbir mal-qtil ta’ Giovanni u Paolo. It-tlieta li huma ġew maqtula għax kixfu veritajiet skomdi ħafna. It-tlieta ġew iżolati qabel ma nqatlu. L-assassinju tagħhom qajjem reazzjonijiet qawwija ta’ mistħija.
Għalhekk, minkejja li l-kilometri li jisseparaw Malta minn Sqallija għadhom l-istess bħal kif kienu meta jien kont għadni żgħir … issa nħoss dawk l-istraġijiet ħafna aktar mill-qrib … u nifhem ħafna aħjar x’ġara f’dawk iż-żminijiet, kif ukoll l-isforz straordinarju ta’ Maria Falcone, u wara, tal-istat Taljan. Nifhem, per eżempju, li s-sistemi mafjużi ma jirrispettawx il-konfini nazzjonali. Nifhem ukoll li l-mafja ma toħroġx biss minn Sqallija, imma il-fenomenu mafjuż jikkrea ruħu kullimkien.
Għalhekk, hemm bżonn li naqbdu triq li twassal għall-ħolqien t’azzjoni konkreta anti-mafja bejn pajiiżi differenti.
Hemm bżonn nikkonvinċu lill-Ewropa li għandha tagħmel din il-ġlieda. Hu ta’ dispjaċir kbir għalija li l-istat Malti ma jridx jiġgieled kontra l-mafja. L-anqas biss irid li jkollu liġijiet kontra l-mafja. Ma jridx l-anqas biss jisma’ li f’Malta hawn il-mafja.
Għall-kuntrarju, l-istat Taljan jagħmilha din il-ġlieda, u jagħmilha b’determinazzjoni. U għalhekk, hemm bżonn li dan il-mudell anti-mafja Taljan niħduh fuq livell Ewropew, kif ukoll mondjali.
Il-preżenza tiegħi u ta’ sħabi tal-Organizzazzjoni Repubblika hawnhekk illum, hi xhieda tal-impenn tagħna – flimkien mal-Fondazione Falcone – li naqbdu din it-triq Ewropea ta’ konvinċiment u ta’ azzjoni. Biex dan isir realtà, jeħteġ li nikkonvinċu lill-istituzzjonijiet Ewropej, iżda wkoll li noħolqu moviment ta’ persuni li jiġġieldu kontra il-fenomenu tal-mafja fl-Ewropa kollha.
Fl-istess ħin, il-ġlieda tagħna mhix u m’għandhiex tkun li sempliċement neqirdu dak li hu ħazin għas-soċjetà, iżda għandha tinżera ż-żerriegħa tal-valuri li huma l-bażi tal-ħajja demokratika, li taf tirrispetta u li tiggarantixxi d-drittijiet ta’ kulħadd.
Hemm bżonn li ninvestu fiż-żerriegħa tal-valuri tal-legalità, tal-integrità u f’dak kollu li jifforma parti mill-ħajja li tħares il-ġid komuni, il-verità u l-ġustizzja.
L-anniversarju tat-23 ta’ Mejju, għalhekk, mhux tifkira tal-mewt, iżda ċ-ċelebrazzzjoni tar-rebħa ta’ Giovanni u Paolo fuq dawk li xtaqu u wettqu l-qtil tagħhom. B’dawk l-istraġijiet, l-ismijiet ta’ Falcone u Borsellino, bħal dak ta’ Daphne Caruana Galizia, inxterdu – bħaż-żerriegħa – fuq il-partijiet kollha tal-art … kif ukoll l-ideat u l-valuri li minħabba
fihom ħasdulhom ħajjithom.
Naħseb f’Giovanni, f’Paolo u f’Daphne, u narahom jitbissimu … bit-tbissima ta’ min jaf li bis-sagrifiċcju ta’ ħajjithom, irnexxilhom jirbħu fuq il-ħażen, billi qajmu l-kuxjenza ta’ ħafna nies f’kull parti tad-dinja … f’dak iż-żmien, illum u fil-futur.
Grazzi Giovanni.
Grazzi Paolo.
Grazzi Daphne.
Grazzi lil dawk kollha li jkomplu din il-missjoni.”