Lokali Sport

Il-Partit Nazzjonalista jawgura lir-rappreżentanti ta’ pajjiżna fl-iSpecial Olympics

Minn hawn u ftit jiem oħra, 27 atleta se jkunu qed jirrappreżentaw lil pajjiżna fil-Logħob Dinji tal- iSpecial Olympics, li se jkunu qed isiru f’Berlin bejn is-17 u l-25 ta’ Ġunju.

Fi stqarrija li ħarġu l-Erbgħa filgħodu Graziella Galea, kelliem għall-Inklużjoni u l-Volontarjat u Graham Bencini, kelliem għall-Isport u x-Xandir Nazzjonali, qalu li l-Partit Nazzjonalista jawgura lil dawn l-atleti, li se jkunu qed jikkompetu barra minn xtutna. Opportunitajiet bħal dawn iservu biex diversi atleti b’diżabbiltà jkomplu jikbru fil-kapaċitajiet tagħhom fis-settur tal-isport.

Il-Partit Nazzjonalista jirringrazzja lill-ġenituri tal-atleti, li jirrikonoxxu l-abbiltajiet ta’ uliedhom u jtuhom l-appoġġ kollu biex ikunu jistgħu jipparteċipaw f’dawn il-logħob, kif ukoll lil dawk li jaħdmu fi Special Olympics Malta, li b’tant dedikazzjoni jagħtu t-taħriġ tant meħtieġ lill-atleti.

Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jappoġġja lil kull persuna b’diżabbiltà biex kull persuna tista’ turi l-kapaċitajiet tagħha, kif ukoll lil kull sportiv. Avvenimenti bħal dawn huma xempju tal-importanza tal-isports u tal-inklussività, fejn kull persuna tingħata l-opportunitaà li turi u ttejjeb l-abbiltajiet tagħha.